Aqbeż għall-kontentut

Kastell ta' Himeji

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Kastell ta' Himeji.

Il-Kastell ta' Himeji (bil-Ġappuniż: 姫路城, Himeji-jō) huwa kumpless ta' kastell Ġappuniż fuq il-quċċata ta' għolja[1] fil-belt ta' Himeji li tinsab fil-Prefettura ta' Hyōgo, il-Ġappun. Il-kastell jitqies bħala l-ifjen eżempju eżistenti tal-arkitettura prototipika ta' kastell Ġappuniż, u jinkludi network ta' 83 kamra b'sistemi avvanzati ta' difiża mill-perjodu fewdali. Il-kastell spiss huwa magħruf ukoll bħala Hakuro-jō jew Shirasagi-jō ("Kastell tal-Agrett Abjad" jew "Kastell tar-Russett Abjad") minħabba l-kulur abjad jgħajjat tiegħu minn barra u li suppost jixbah lil għasfur qed itir.[2][3]

Il-Kastell ta' Himeji jmur lura għall-1333 meta Akamatsu Norimura bena forti fil-quċċata tal-għolja ta' Himeyama. Il-forti twaqqa' u reġa' nbena bħala l-Kastell ta' Himeyama fl-1346 u mbagħad ġie mmudellat mill-ġdid fil-Kastell ta' Himeji żewġ sekli wara. Il-Kastell ta' Himeji mbagħad ġie mmudellat mill-ġdid b'mod sinifikanti fl-1581 minn Toyotomi Hideyoshi, li żied fortizza ta' tliet sulari. Fl-1600, Tokugawa Ieyasu ta l-kastell lil Ikeda Terumasa bħala premju għall-għajnuna tiegħu fil-Battalja ta' Sekigahara, u Ikeda bena l-kastell mill-ġdid kompletament mill-1601 sal-1609, u kabbru f'kumpless ta' kastell kbir. Diversi binjiet żdiedu iktar 'il quddiem fil-kumpless tal-kastell minn Honda Tadamasa mill-1617 sal-1618.[4] Għal kważi 700 sena, il-Kastell ta' Himeji baqa' intatt, anke matul il-bumbardament ta' Himeji fit-Tieni Gwerra Dinjija, u d-diżastri naturali bħat-terremot il-kbir ta' Hanshin tal-1995.[5]

Il-Kastell ta' Himeji huwa l-ikbar kastell fil-Ġappun u l-iktar wieħed li jżuruh nies. Fl-1993 tniżżel bħala wieħed mill-ewwel Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-pajjiż.[6] Iż-żona fi ħdan il-ħandaq tan-nofs tal-kumpless tal-kastell ġiet iddeżinjata bħala Sit Storiku Speċjali u ħames strutturi tal-kastell ġew iddeżinjati wkoll bħala Teżori Nazzjonali.[7][8] Flimkien mal-Kastell ta' Matsumoto u mal-Kastell ta' Kumamoto, il-Kastell ta' Himeji jitqies bħala wieħed mill-iprem kastelli tal-Ġappun.[9] Sabiex jiġu ppreservati l-binjiet tiegħu, il-kastell sarlu ħafna restawr għal diversi snin u reġa' nfetaħ għall-pubbliku fis-27 ta' Marzu 2015.[10] Fix-xogħlijiet ta' restawr tneħħew ukoll deċennji ta' ħmieġ u ta' tniġġis mill-faċċata, u b'hekk reġa' ħareġ il-kulur abjad jgħajjat oriġinali.[11]

Immaġni satellitari tal-Kastell ta' Himeji.

Il-kostruzzjoni tal-Kastell ta' Himeji tmur lura għall-1333, meta nbena forti fuq il-quċċata tal-għolja ta' Himeyama minn Akamatsu Norimura, il-mexxej tal-provinċja antika ta' Harima. Fl-1346, ibnu Sadanori waqqa' dan il-forti u bena il-Kastell ta' Himeyama minfloku.[12] Fl-1545, il-klan ta' Kuroda ġie stazzjonat hemmhekk skont l-ordni tal-klan ta' Kodera, u l-mexxej fewdali Kuroda Shigetaka mmudella l-kastell mill-ġdid fil-Kastell ta' Himeji, u x-xogħol tlesta fl-1561. Fl-1580, Kuroda Yoshitaka ppreżenta l-kastell lil Toyotomi Hideyoshi, u fl-1581 Hideyoshi mmudella l-kastell mil-ġdid b'mod sinifikanti, u bena fortizza ta' tliet sulari b'erja ta' madwar 55 m2 (590 pied kwadru).[13]

Wara l-Battalja ta' Sekigahara fl-1600, Tokugawa Ieyasu ta l-Kastell ta' Himeji lil ibnu tar-rispett, Ikeda Terumasa, bħala premju għall-għajnuna tiegħu fil-battalja. Ikeda waqqa' l-fortizza ta' tliet sulari li kienet inbniet minn Hideyoshi, u bena l-kastell kompletament mill-ġdid u kabbru mill-1601 sal-1609, żied tliet ħniedaq u ttrasformah fil-kumpless tal-kastell kif inhu llum il-ġurnata. Huwa maħsub li x-xogħol kollu involut għal dan it-tkabbir ammonta għal 2.5 miljun jum ta' xogħol meta maqsuma bejn il-forza tax-xogħol involuta. Ikeda miet fl-1613, u għadda l-kastell lil ibnu, li miet ukoll tliet snin wara. Fl-1617, Honda Tadamasa u l-familja tiegħu wirtu l-kastell, u Honda żied diversi binjiet fil-kumpless tal-kastell, inkluż torri speċjali għal bintu tar-rispett, il-Prinċipessa Sen (bil-Ġappuniż: 千姫, Senhime) imsejjaħ keshō yagura (Torri tat-Tbiddil tal-Ħwejjeġ).

Pittura tal-Kastell ta' Himeji fil-perjodu bikri ta' Meiji.

Fil-perjodu ta' Meiji (1868-1912), bosta kastelli Ġappuniżi nqerdu. Il-Kastell ta' Himeji ġie abbandunat fl-1871 u xi kurituri u daħliet tal-kastell inqerdu biex ikun hemm spazju għall-barrakki tal-armata Ġappuniża. Inizjalment, il-kumpless tal-kastell kollu kellu jitwaqqa' skont il-politika tal-gvern, iżda bis-saħħa tal-isforzi ta' Nakamura Shigeto, kurunell tal-armata, dan qatt ma seħħ. Fejn hemm l-ewwel daħla tal-kumpless tal-kastell, id-Daħla ta' Hishi (bil-Ġappuniż: 菱の門, Hishinomon), hemm monument tal-ġebel li jagħti ġieħ lil Nakamura. Minkejja li l-Kastell ta' Himeji ma twaqqax, il-kastelli Ġappuniżi kienu saru antikwati u l-preservazzjoni tagħhom kienet tiswa ħafna flus.[14]

Meta s-sistema fewdali tal-han ġiet abolita fl-1871, il-Kastell ta' Himeji tqiegħed għall-irkant. Il-kastell inxtara minn resident ta' Himeji għal 23 yen Ġappuniż (madwar 200,000 yen jew 2,258 dollaru Amerikan illum il-ġurnata). Ix-xerrej ried iwaqqa' l-kumpless tal-kastell u jiżviluppa l-art, iżda ġie stmat li l-ispejjeż involuti biex il-kastell jitwaqqa' kienu kbar wisq, u mill-ġdid reġa' ma twaqqax.

Il-belt ta' Himeji ġiet ibbumbardjata bil-kbir fl-1945, fi tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, u għalkemm il-biċċa l-kbira tal-inħawi tal-madwar inqerdet għalkollox, il-kastell baqa' intatt. Bomba żgħira waħda twaqqgħet fis-sular ta' fuq tal-kastell iżda ma ħaditx.[15] Sabiex il-kumpless tal-kastell jiġi ppreservat, mill-bidu tal-1956 sar xogħol ta' restawr sostanzjali, bl-ekwivalenti ta' 250,000 jum ta' xogħol maqsuma bejn il-forza tax-xogħol u kost totali ta' 550 miljun yen. F'Jannar 1995, il-belt ta' Himeji ġarrbet ħsarat sostanzjali minħabba t-terremot il-kbir ta' Hanshin, iżda l-Kastell ta' Himeji ħelisha ħafif mingħajr ħsarat, u wera reżistenza notevoli għat-terremoti. Saħansitra l-flixkun tas-sake mqiegħed fuq l-artal tas-sular ta' fuq nett tal-fortizza baqa' f'postu.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-fortizza ċentrali tal-kastell.

Fil-11 ta' Diċembru 1993, il-Kastell ta' Himeji ġie ddeżinjat bħala wieħed mill-ewwel Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Ġappun.[6]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[6]

Ħames strutturi tal-kastell ġew iddeżinjati wkoll bħala Teżori Nazzjonali: il-fortizza prinċipali (bil-Ġappuniż: 大天守, daitenshu)[16], il-fortizza ż-żgħira tal-Majjistral (bil-Ġappuniż: 乾小天守, inui kotenshu)[17], il-fortizza ż-żgħira tal-Punent (bil-Ġappuniż: 西小天守, nishi kotenshu)[18], il-fortizza ż-żgħira tal-Lvant (bil-Ġappuniż: 東小天守, higashi kotenshu)[19], u l-kurituri I, Ro, Ha, u Ni u l-kċina (bil-Ġappuniż: イ, ロ, ハ, ニの渡櫓附台所1棟, i, ro, ha, ni no watariyagura tsuketari daidokoro 1 to).[20] Iż-żona fi ħdan il-ħandaq tan-nofs tal-kumpless tal-kastell ġiet iddeżinjata bħala Sit Storiku Speċjali.[8]

Flimkien mal-Kastell ta' Matsumoto u mal-Kastell ta' Kumamoto, il-Kastell ta' Himeji jitqies bħala wieħed mill-iprem tliet kastelli tal-Ġappun. Huwa l-iktar kastell fil-Ġappun li jżuruh nies. Mill-bidu ta' April 2010, il-Kastell ta' Himeji sarlu xogħol estensiv ta' restawr biex il-binjiet tal-kastell jiġu ppreservati, u l-kastell reġa' nfetaħ għall-pubbliku fis-27 ta' Marzu 2015.[9]

Il-Kastell ta' Himeji fir-rebbiegħa, l-istaġun tal-inwar taċ-ċirasa.

Il-Kastell ta' Himeji Castle huwa l-ikbar kastell fil-Ġappun. Huwa eżempju eċċellenti tal-arkitettura prototipika ta' kastell Ġappuniż, u fih bosta karatteristiċi difensivi u arkitettoniċi assoċjati mal-kastelli Ġappuniżi. Il-ħitan b'kurvatura tal-Kastell ta' Himeji xi kultant jingħad li qishom imrewħiet ġganteski (bil-Ġappuniż: 扇子, sensu), iżda l-materjali prinċipali li ntużaw fl-istrutturi huma l-ġebel u l-injam. L-istemmi tal-familji fewdali (bil-Ġappuniż: 家紋, kamon) jidhru fl-arkitettura kollha tal-binjiet, u jirrappreżentaw id-diversi familji li għexu fil-kastell matul l-istorja tiegħu.

L-istil speċifiku tal-kastell jissejjaħ hirayama (bil-Ġappuniż: 平山城; fil-quċċata ċatta ta' għolja). Żewġ kastelli li nbnew matul l-istess żmien u li kellhom ħafna mill-istess karatteristiċi arkitettoniċi tiegħu huma l-Kastell ta' Matsuyama u l-Kastell ta' Tsuyama.

Il-kumpless tal-Kastell ta' Himeji jinsab fiċ-ċentru tal-belt ta' Himeji, Hyōgo, fil-quċċata ta' għolja msejħa Himeyama, li hija 45.6 metru (150 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. Il-kumpless tal-kastell jinkludi network ta' 83 binja, fosthom imħażen, daħliet, kurituri u turretti (bil-Ġappuniż: 櫓, yagura). Minn dawn it-83 binja, 74 ġew iddeżinjati bħala Assi Kulturali Importanti: 11-il kuritur, 16-il turretta, 15-il daħla u 32 ħajt. L-ogħla ħitan fil-kumpless tal-kastell huma għoljin 26 metru (85 pied). Flimkien mal-kumpless tal-kastell hemm il-Kōko-en (bil-Ġappuniż: 好古園), ġnien Ġappuniż li nħoloq fl-1992 biex ifakkar il-100 anniversarju tal-belt ta' Himeji.[21]

L-istemmi tal-familji fewdali mas-soqfa tal-binjiet tal-kastell.

Mil-Lvant għall-Punent, il-kumpless tal-Kastell ta' Himeji għandu tul ta' bejn 950 u 1,600 metru (3,120 sa 5,250 pied), u mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, għandu tul ta' bejn 900 u 1,700 metru (3,000 sa 5,600 pied). Il-kumpless tal-kastell għandu ċirkonferenza ta' 4,200 metru (2.6 mil). Ikopri erja ta' 233 ettaru (2,330,000 m2 jew 576 akru), u għaldaqstant bejn wieħed u ieħor huwa 50 darba ikbar mit-Tokyo Dome (stabbiliment tal-baseball) jew 60 darba ikbar mill-Istadium ta' Koshien.

Il-fortizza prinċipali (bil-Ġappuniż: 大天守, daitenshu) fiċ-ċentru tal-kumpless hija għolja 46.4 metru (152 pied), u tinsab 92 metru (302 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. Flimkien mal-fortizza prinċipali, tliet fortizzi sussidjarji iżgħar (bil-Ġappuniż: 小天守, kotenshu) jiffurmaw raggruppament ta' torrijiet. Minn barra, il-fortizza tidher li għandha ħames sulari, peress li t-tieni u t-tielet sulari minn fuq jidhru qishom sular wieħed; madankollu, effettivament il-fortizza għandha sitt sulari u sular taħt l-art. Is-sular taħt l-art tal-fortizza prinċipali għandu erja ta' 385 m2 (4,140 pied kwadru), u minn ġewwa fih faċilitajiet speċjali li ma jeżistux f'kastelli oħra, inkluż kmamar tal-ħasil, kamra għat-tnixxif u kuritur tal-kċina.

Uħud mill-armi tan-nar fil-fortizza.

Il-fortizza prinċipali għandha żewġ pilastri, wieħed fil-Lvant u l-ieħor fil-Punent. Il-pilastru tal-Lvant, li għandu dijametru fil-bażi ta' 97 cm (38 pulzier), oriġinarjament kien siġra sħiħa tal-abit, iżda minn dak iż-żmien ġie sostitwit. Il-bażi tal-pilastru tal-Punent huwa 85 b'95 cm (33 b'37 pulzier), u huwa magħmul miċ-ċipress Ġappuniż. Matul ir-restawr ta' Shōwa (1956-1964), siġra taċ-ċipress Ġappuniż twila 26.4 metru (87 pied) tniżżlet mill-muntanji Kiso minflok il-pilastru l-antik. F'dan il-proċess is-siġra nkisret, u għalhekk ġabu siġra oħra mill-muntanja Kasagata, u ż-żewġ siġriet ġew magħqudin flimkien fit-tielet sular.[22]

L-ewwel sular tal-fortizza prinċipali għandu erja ta' 554 m2 (5,960 pied kwadru) u spiss jissejjaħ il-"kamra tal-elf ħasira" minħabba li għandha iktar minn 330 ħasira tat-tip Tatami. Il-ħitan tal-ewwel sular għandhom xtillieri tal-armi (bil-Ġappuniż: 武具掛け, bugukake) għall-ixkubetti u għal-lanez, u fl-imgħoddi kien hemm żmien fejn fil-kastell kien hemm saħansitra 280 xkubetta u 90 lanza. It-tieni sular għandu erja ta' madwar 550 m2 (5,900 pied kwadru).

It-tielet sular għandu erja ta' 440 m2 (4,700 pied kwadru), filwaqt li r-raba' sular għandu erja ta' 240 m2 (2,600 pied kwadru). Kemm it-tielet kif ukoll ir-raba' sular għandhom pjattaformi ħdejn it-twieqi tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar imsejħa "pjattaformi tat-twaddib tal-ġebel" (bil-Ġappuniż: 石打棚, ishiuchidana), li minnhom id-difensuri kienu joqogħdu għassa jew iwaddbu l-oġġetti lejn l-għadu. Barra minn hekk għandhom kmamar żgħar imsejħa "moħbiet tal-ġellieda" (bil-Ġappuniż: 武者隠し, mushakakushi), fejn id-difensuri setgħu jistaħbew u jaħsdu lill-attakkanti li kien jirnexxilhom jidħlu fil-fortizza u joqtluhom. Is-sular ta' fuq nett, is-sitt sular, għandu erja ta' 115 m2 (1,240 pied kwadru) biss. It-twieqi tas-sitt sular issa għandhom vireg tal-ħadid, iżda fil-perjodu fewdali wieħed seta' jgawdi l-veduta panoramika mit-twieqi mingħajr il-vireġ tal-ħadid.

Sistemi ta' difiża

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Kastell ta' Himeji minn isfel.

Il-Kastell ta' Himeji fih sistemi avvanzati ta' difiża mill-perjodu fewdali. Mal-kastell kollu hemm tipi differenti ta' lamberżuni (bil-Ġappuniż: 狭間, sama) b'għamliet differenti: ċirkolari, triangolari, kwadri u rettangolari. Dawn kienu maħsuba biex id-difensuri armati b'tanegashima jew l-arċiera setgħu jisparaw fuq l-għadu mingħajr ma jesponu lilhom infushom. Bejn wieħed u ieħor hemm 1,000 lamberżuna mal-binjiet tal-kastell. F'diversi punti fil-ħitan tal-kastell tpoġġew qishom twieqi angolari msejħa "twieqi tat-twaqqigħ tal-ġebel" (bil-Ġappuniż: 石落窓, ishi-otoshi-mado), u permezz tagħhom id-difensuri tal-kastell setgħu jwaqqgħu ġebel kbir jew żejt jagħli fuq ras l-attakkanti li jkun għaddejjin taħthom. Barra minn hekk, fil-kostruzzjoni tal-kastell intuża ġibs abjad biex ikun reżistenti għan-nar.[23]

Il-kumpless tal-kastell kien jinkludi tliet ħniedaq, iżda wieħed minnhom — il-ħandaq ta' barra — issa huwa mirdum taħt l-art. Xi partijiet mill-ħandaq ċentrali u l-ħandaq ta' ġewwa kollu għadhom jeżistu. Il-ħniedaq għandhom wisa' medja ta' 20 metru (66 pied), wisa' massima ta' 34.5 metru (113-il pied), u fond ta' madwar 2.7 metri (8.9 piedi). Il-Ħandaq tat-Tliet Pajjiżi (bil-Ġappuniż: 三国堀, sangoku-bori) fih għadira ta' 2,500 m2 (27,000 pied kwadru) u għadu jeżisti fi ħdan il-kastell; wieħed mill-iskopijiet ta' dan il-ħandaq kien li jaħżen l-ilma biex jintuża f'każ ta' xi nirien.

Il-Ħandaq tat-Tliet Pajjiżi.

Il-kumpless tal-kastell, b'mod partikolari l-hekk imsejjaħ Kwartier tal-Qadd (bil-Ġappuniż: 腰曲輪, koshikuruwa), fih għadd ta' mħażen li kienu jintużaw għall-ħżin tar-ross, tal-melħ u tal-ilma f'każ ta' assedju. Binja magħrufa bħala t-Turretta tal-Melħ (bil-Ġappuniż: 塩櫓, shioyagura) kienet tintuża b'mod speċifiku għall-ħżin tal-melħ, u huwa stmat li kien ikun hemm fiha sa 3,000 xkora tal-melħ meta l-kumpless tal-kastell kien għadu jintuża. Il-kumpless tal-kastell kien fih ukoll 33 bir fi ħdan il-ħandaq ta' ġewwa, 13 minnhom għadhom jeżistu; l-iktar bir fond huwa fond 30 metru (98 pied).

Wieħed mill-iżjed elementi difensivi importanti tal-kastell huwa l-labirint ta' mogħdijiet li jwasslu sal-fortizza prinċipali tal-kastell iżda li jekk ma tkunx midħla tagħhom igerfxuk. Id-daħliet, il-barrikati u l-ħitan ta' barra tal-kumpless huma organizzati b'tali mod li tgerfex il-forza tal-għadu, u tobbligah idur u jagħqad f'għamla ta' spirali fi triqtu lejn il-fortizza prinċipali. Il-kumpless tal-kastell oriġinarjament kien fih 84 daħla, u t-tismija ta' 15 minnhom kienet skont is-sillabarju Ġappuniż iroha (I, Ro, Ha, Ni, Ho, He, To, eċċ.). Attwalment, hemm 21 daħla intatta fil-kumpless tal-kastell, u t-tismija ta' 13 minnhom hija skont is-sillabarju Ġappuniż.

F'ħafna każijiet, il-mogħdijiet tal-kastell saħansitra jduru fuqhom infushom, apposta biex igerfxu lil min ma jkunx jaf triqtu sew (jiġifieri l-għadu). Pereżempju, id-distanza dritta mid-Daħla ta' Hishi (bil-Ġappuniż: 菱の門, hishinomon) sal-fortizza prinċipali (bil-Ġappuniż: 大天守, daitenshu) hija 130 metru (430 pied) biss, iżda l-mogħdija nnifisha hija ferm itwal, saħansitra 325 metru (1,066 pied). Il-passaġġi huma dojoq u weqfin ukoll biex iktar jirrestrinġu d-dħul. Din is-sistema kienet tippermetti lid-difensuri jaraw l-għadu biex ikunu jistgħu jisparawlu mill-fortizza sakemm ikun għaddej mit-triq twila mid-daħla, iżda l-Kastell ta' Himeji qatt ma ġie attakkat b'dan il-mod, għaldaqstant is-sistema qatt ma ġiet ittestjata. Madankollu, anke llum il-ġurnata fejn ir-rotta hija mmarkata bit-tabelli, bosta viżitaturi xorta waħda xi kultant jitgerfxu huma u jżuru l-kumpless tal-kastell.[10]

Impatt kulturali

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta tal-istrutturi tal-kastell fil-ħarifa.

Il-Kastell ta' Himeji huwa magħruf ukoll bħala Hakuro-jō jew Shirasagi-jō (il-"Kastell tal-Agrett Abjad" jew il-"Kastell tar-Russett Abjad") minħabba l-kulur abjad jgħajjat tiegħu minn barra u peress li suppost jixbah lil għasfur qed itir. Il-kastell deher b'mod estensiv f'bosta films barranin u Ġappuniżi, inkluż il-film ta' James Bond "You Only Live Twice" (1967), u l-films Kagemusha (1980) u Ran (1985) ta' Akira Kurosawa. Fil-minisensiela televiżiva Shōgun (1980), il-kastell intuża taparsi kien il-Kastell ta' Osaka tal-perjodu fewdali. Fil-logħob elettroniku Civilization Revolution u Civilization V, il-Kastell ta' Himeji jista' jinbena bħala wieħed mill-għeġubijiet tad-dinja. Huwa wkoll wieħed mill-binjiet grandjużi f'Forge of Empires.[24]

Il-Kastell ta' Himeji huwa assoċjat ma' għadd ta' leġġendi lokali. Il-kaidan (jew ġrajja Ġappuniża tal-fatati) magħrufa sew ta' Banchō Sarayashiki (bil-Ġappuniż: 番町皿屋敷, "Il-Villa f'Banchō") hija ambjentata f'Edo (Tokjo), iżda varjant imsejjaħ Banshū Sarayashiki (bil-Ġappuniż: 播州皿屋敷, "Il-Villa fil-Provinċja ta' Harima") huwa ambjentat fil-Kastell ta' Himeji. Hemm għajdut mhux aċċettati minn kulħadd li l-kastell huwa l-post bona fide fejn hija ambjentata l-leġġenda kollha, u l-Bir allegat ta' Okiku għadu jeżisti fil-kastell sa llum il-ġurnata. Skont il-leġġenda, Okiku ġiet akkużata għalxejn li tilfet xi platti li kienu teżori ta' valur tal-familja tal-villa, u b'hekk inqatlet u ntefgħet fil-bir. Il-fatat tagħha baqa' jidher fil-bir billejl, u tinstema' tgħodd il-platti b'ton kiebi.[25]

Jingħad ukoll li l-Kastell ta' Himeji huwa abitat mill-yōkai Osakabehime, li tgħix fit-torri tal-kastell u tevita l-bnedmin li tant tobgħod. F'xi leġġendi din tieħu l-forma ta' anzjana (jew ta' mara li għandha xi tletin sena) liebsa kimono ċerimonjali bi tnax-il saff. Tista' taqra l-imħuħ tan-nies u tikkontrolla lill-yōkai ta' annimali inferjuri msejħa kenzokushin.[26]

Il-leġġenda tal-"Ġebla tal-Armla l-Anzjana" (bil-Ġappuniż: 姥が石, Ubagaishi) hija ġrajja folkloristika oħra assoċjata mal-kastell. Skont il-leġġenda, Toyotomi Hideyoshi spiċċa bla ġebel matul il-kostruzzjoni tal-fortizza oriġinali ta' tliet sulari, u mara anzjana semgħet dwar il-problema li kellu. Hija tatu l-mola manwali tagħha minkejja li kellha bżonnha għas-sengħa tagħha. Jingħad li n-nies li semgħu l-ġrajja ġew ispirati minnha u offrew ukoll xi ġebel lil Hideyoshi sabiex ikun jista' jtemm il-kostruzzjoni tal-kastell. Sa llum il-ġurnata, il-ġebla li suppost kienet il-mola manwali tal-anzjana għadha tidher u hija miksija b'xibka tal-ħadid fin-nofs ta' wieħed mill-ħitan tal-ġebel tal-kumpless tal-kastell.

Hemm ġrajja folkloristika assoċjata wkoll ma' Sakurai Genbei, li kien il-mastrudaxxa ewlieni ta' Ikeda Terumasa fil-kostruzzjoni tal-fortizza. Skont il-leġġenda, Sakurai ma kienx sodisfatt bil-kostruzzjoni tiegħu, għaliex ħass li l-fortizza kienet immejla daqsxejn lejn ix-Xlokk. Eventwalment, tant baqa' rrabjat li tela' sal-quċċata tal-fortizza u qabeż għal isfel, fejn instab mejjet bi skarpell f'ħalqu.

Il-Kastell ta' Himeji mixgħul billejl.

Statistika dwar il-viżitaturi

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Fl-14 ta' April 2009, l-għadd totali ta' viżitaturi minn żmien ir-restawr tal-era ta' Showa qabeż l-40 miljun ruħ.[27]
  • 1964 – 1,738,000 (tlesta x-xogħol ta' restawr tal-era ta' Showa)
  • 1989 – 1,197,000
  • 1990 – 811,000
  • 1991 – 871,000
  • 1992 – 885,000
  • 1993 – 1,019,000
  • 1994 – 983,000
  • 1995 – 695,000
  • 1996 – 861,000
  • 1997 – 716,000
  • 1998 – 792,000
  • 1999 – 713,000
  • 2000 – 662,000
  • 2001 – 708,000
  • 2002 – 729,000
  • 2003 – 814,000
  • 2004 – 771,000
  • 2005 – 778,000
  • 2006 – 899,000
  • 2007 – 1,023,000
  • 2008 – 1,195,000
  • 2009 – 1,561,000
  • 2010 – 458,000 (beda x-xogħol ta' restawr)
  • 2011 – 611,000
  • 2012 – 711,000
  • 2013 – 881,000[28]
  • 2014 – 919,000
  • 2015 – 2,860,000 (f'Marzu tlesta x-xogħol ta' restawr)[26]

Tagħrif addizzjonali

[immodifika | immodifika s-sors]

Teżori nazzjonali u kastelli ġemellati

[immodifika | immodifika s-sors]
Dettall tal-fortizza.

Fost il-kastelli Ġappuniżi li huma wkoll teżori nazzjonali, apparti l-Kastell ta' Himeji, hemm il-Kastell ta' Matsumoto, il-Kastell ta' Inuyama, il-Kastell ta' Matsue u l-Kastell ta' Hikone. Il-kastelli ġemellati mal-Kastell ta' Himeji huma x-Château de Chantilly fi Franza u l-Kastell ta' Conwy f'Wales, ir-Renju Unit.[29][30] Il-kastelli li għandhom l-istess stil hirayama fil-quċċata ta' għolja huma l-Kastell ta' Matsuyama li nbena fl-1603 u l-Kastell ta' Tsuyama.

Kastell ta' Matsumoto

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kastell ta' Matsumoto (bil-Ġappuniż: 松本城 Matsumoto-jō) huwa wieħed mill-eqdem kastelli tal-Ġappun u jinsab fil-belt ta' Matsumoto, fil-Prefettura ta' Nagano. Il-kostruzzjoni tad-donjon prinċipali (bil-Ġappuniż: 天守閣 tenshukaku) saret mill-familja Ishikawa bejn l-1593 u l-1594, meta l-familja kellha l-kompitu li tieħu ħsieb il-kastell. Id-donjon tal-Kastell ta' Matsumoto hija wieħed mill-eqdem Tenshu b'ħames sulari eżistenti fil-Ġappun.

Kastell ta' Inuyama

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kastell ta' Inuyama (bil-Ġappuniż: 犬山城 Inuyama-jō) jinsab fil-kosta tan-Nofsinhar tax-xmara Kiso fil-belt ta' Inuyama, fil-Prefettura ta' Aichi. Fl-1537, iz-ziju ta' Oda Nobunaga, Oda Nobuyasu saħħaħ il-kastell. Il-Kastell ta' Inuyama jingħad li huwa wieħed mill-eqdem kastelli tal-Ġappun u huwa wieħed mill-kastelli li rnexxielu jżomm l-istruttura oriġinali tiegħu.

Kastell ta' Hikone

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kastell ta' Hikone (bil-Ġappuniż: 彦根城 Hikone-jō) jinsab fil-kosta tal-Lvant tal-Lag ta' Biwa, fil-Prefettura ta' Shiga. Il-kastell tlesta fl-1622 minn Ii Naokatsu wara 20 sena ta' kostruzzjoni.

Château de Chantilly

[immodifika | immodifika s-sors]

Ix-Château de Chantilly huwa ġemellat mal-Kastell ta' Himeji, u spiss jingħad li huwa l-isbaħ kastell fi Franza. Jinsab 40 kilometru fit-Tramuntana ta' Pariġi. Il-kastell huwa rappreżentazzjoni tal-istil arkitettoniku meraviljuż tar-Rinaxximent. Il-ġemellaġġ bejn iż-żewġ kastelli beda fl-1989.[29]

Kastell ta' Conwy

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kastell ta' Conwy huwa ġemellat mal-Kastell ta' Himeji. Il-ġemellaġġ bejn iż-żewġ kastelli beda fl-2019.[30]

  1. ^ "Experience the wonders of Japan with sansen-ya". sansenya.com. Miġbur 2022-09-01.
  2. ^ Bornoff, Nicholas (2000). The National Geographic Traveler: Japan. Washington: National Geographic Society. pp. 256–257. ISBN 0-7894-5545-5.
  3. ^ Eyewitness Travel Guides: Japan. New York: Dorling Kindersley Publishing. 2000. pp. 200–203. ISBN 0-7894-5545-5.
  4. ^ Jacqueline A., Ball (2005). Himeji Castle: Japan's Samurai Past. New York: Bearport Publishing. p. 32. ISBN 1-59716-001-6.
  5. ^ "Japan Atlas: Himeji Castle". web-japan.org. Miġbur 2022-09-01.
  6. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Himeji-jo". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-01.
  7. ^ "Gwida tat-Teżori Nazzjonali tal-Ġappun" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-07-10. Miġbur 2022-09-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  8. ^ a b "姫路市|国宝". web.archive.org. 2010-09-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-09-27. Miġbur 2022-09-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  9. ^ a b "The Three Famous Castles of Japan | Himeji Castle | Matsumoto Castle | Kumamoto Castle". web.archive.org. 2010-03-22. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-03-22. Miġbur 2022-09-01.
  10. ^ a b "姫路市|今週の姫路城(27年2月9日現在)". web.archive.org. 2015-02-15. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-02-15. Miġbur 2022-09-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  11. ^ "Kronoloġija tal-kastell". study.com. Miġbur 2022-09-01.
  12. ^ Hinago, Motoo (1986). Japanese Castles. Kodansha International Ltd. u Shibundo. pp. 121–125. ISBN 0-87011-766-1.
  13. ^ "Japanese Castle Explorer - Himeji Castle - 姫路城". www.japanese-castle-explorer.com. Miġbur 2022-09-01.
  14. ^ "城の楽しみ方 | 姫路城公式サイト". 姫路市 (bil-Ġappuniż). Miġbur 2022-09-01.
  15. ^ "Best Western's Travel Blog - You Must Be Trippin' - Restoring a Japanese Treasure". web.archive.org. 2010-05-24. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-05-24. Miġbur 2022-09-01.
  16. ^ "姫路市|姫路城大天守". web.archive.org. 2016-06-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-24. Miġbur 2022-09-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  17. ^ "姫路城乾小天守". 姫路市 (bil-Ġappuniż). Miġbur 2022-09-01.
  18. ^ "姫路市|姫路城西小天守". web.archive.org. 2016-06-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-24. Miġbur 2022-09-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  19. ^ "姫路市|姫路城東小天守". web.archive.org. 2016-06-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-24. Miġbur 2022-09-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  20. ^ "姫路市|姫路城イ・ロ・ハ・ニの渡櫓附台所1棟". web.archive.org. 2016-05-08. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-05-08. Miġbur 2022-09-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  21. ^ "Kokoen Garden, Traditional Japanese Garden in Himeji City, Hyogo". www.eok.jp. Miġbur 2022-09-01.
  22. ^ "Himeji - Kansai's Little Feudal City". www.kanpai-japan.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-01.
  23. ^ Turnbull, Stephen (2003). Japanese Castles 1540–1640. Oxford: Osprey Publishing. p. 64. ISBN 978-1-84176-429-0.
  24. ^ "Osakabe hime | Yokai.com" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-01.
  25. ^ Ishikawa, Ichirō; 石川一郎 (1989). Edo bungaku zokushin jiten (Shohan ed.). Tōkyō: Tōkyōdō Shuppan. p. 63. ISBN 4-490-10255-0. OCLC 22591554.
  26. ^ a b "姫路城:来場者、日本一に 過去最多286万人". 毎日新聞 (bil-Ġappuniż). Miġbur 2022-09-01.
  27. ^ "姫路城、入場者4000万人突破 昭和の大修理から45年で - 47NEWS(よんななニュース)". web.archive.org. 2014-07-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-07-12. Miġbur 2022-09-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  28. ^ "平成26年度姫路市入込客数、観光動向" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-16. Miġbur 2022-09-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  29. ^ a b Jan 29, Ochimusya |; 2018 | 079 | 0 | (2018-01-29). "The bond between the city of Himeji and France has been strengthened 2" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-01.Manutenzjoni CS1: ismijiet bħala numri: authors list (link)
  30. ^ a b "Conwy and Himeji castles' twinning starts 'beautiful friendship'" (bl-Ingliż). 2019-11-07. Miġbur 2022-09-01.
pFad - Phonifier reborn

Pfad - The Proxy pFad of © 2024 Garber Painting. All rights reserved.

Note: This service is not intended for secure transactions such as banking, social media, email, or purchasing. Use at your own risk. We assume no liability whatsoever for broken pages.


Alternative Proxies:

Alternative Proxy

pFad Proxy

pFad v3 Proxy

pFad v4 Proxy