Aqbeż għall-kontentut

Kuratur

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Fin-nofs jdher Emile Theodore (kuratur tal-mużew tal-Palazz tal-Belle Arti f'Lille mill-1912 sal-1937), waqt ir-rikostruzzjoni tal-gallerija ddedikata għall-pitturi Spanjoli u Taljani, sentejn wara t-tmiem tal-Ewwel Gwerra Dinjija

Kuratur (mil-Latin: cura, li tfisser "tieħu ħsieb")[1] huwa maniġer jew sorveljant. Tradizzjonalment, kuratur jew kustodju ta' istituzzjoni tal-wirt kulturali (eż., gallerija, mużew, librerija jew arkivju ) huwa speċjalista tal-kontenut inkarigat mil-kollezzjonijiet ta' istituzzjoni u involut fl-interpretazzjoni ta' dan il-materjal, inklużi artifatti storiċi.

Il-kuratur tradizzjonalment jieħu ħsieb oġġetti tanġibbli ta' xi tip — xogħol artistiku, oġġetti kollezzjonabbli, oġġetti storiċi jew kollezzjonijiet xjentifiċi. Iktar reċentement, bdew jitfaċċaw tipi ġodda ta' kuraturi: kuraturi ta' oġġetti u data diġitali u bijokuraturi .

Skop ta' kurazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

F'organizzazzjonijiet iżgħar, kuratur jista' jkollu wkoll ir-responsabbiltà għall-akkwisti u anke għall-kura tal-kollezzjonijiet. Il-kuratur jieħu deċiżjonijiet dwar liema oġġetti għandu jagħżel, jissorvelja d-dokumentazzjoni tagħhom, iwettaq riċerka bbażata fuq il-kollezzjoni u l-istorja tagħha, jipprovdi ppakkjar xieraq tal-arti meta tiġi trasportata, u jaqsam ir-riċerka mal-pubbliku u l-komunità permezz ta' wirjiet u pubblikazzjonijiet. F'mużewijiet żgħar ħafna bbażati fuq il-volontarjat, bħal dawk ta' soċjetajiet storiċi lokali, kuratur jista' jkun l-uniku persuna imħallsa.

F'istituzzjonijiet akbar, il-funzjoni primarja tal-kuratur hija dik ta' speċjalista tas-suġġett, bl-aspettattiva li hu jew hi se jwettqu riċerka oriġinali dwar oġġetti u jiggwidaw l-organizzazzjoni fil-ġbir tagħha. Istituzzjonijiet bħal dawn jista' jkollhom kuraturi multipli, kull wieħed assenjat lil żona ta' ġbir speċifika (eż. Kuratur ta' arti antika, kuratur ta' stampi u tpinġijiet, eċċ.) U spiss joperaw taħt id-direzzjoni ta' kuratur ewlieni. F'tali organizzazzjonijiet, il-kura fiżika tal-kollezzjoni tista' tkun sorveljata mill-maniġers tal-kollezzjonijiet tal-mużew jew mill-konservaturi tal-mużew, b'dokumentazzjoni u amministrazzjoni (bħal assigurazzjoni u self) immaniġġjati minn reġistratur jew amministratur.

Fir-Renju Unit, it-terminu "kuratur" japplika wkoll għall-impjegati tal-gvern li jissorveljaw il-kwalità tax-xogħol arkeoloġiku tal-kuntratt taħt Gwida Politika tal-Ippjanar 16: Arkeoloġija u Ippjanar (PPG 16 - Planning Policy Guidance 16: Archaeology and Planning) u jimmaniġġjaw ir-riżorsi kulturali ta’ reġjun.

Fl-Istati Uniti, il-kuraturi għandhom kompiti multidimensjonali li jiddependu fuq l-istituzzjoni partikolari u l-missjoni tagħha. Iżda fil-bidu tas-seklu 21, ir-rwol tal-kuratur evolva flimkien ma' bidlet fil-qasam tal-mużewijiet. Hekk kif il-mużewijiet tal-Istati Uniti saru aktar diġitizzati, il-kuraturi jsibu ruħhom jibnu narrattivi kemm fid-dinja materjali kif ukoll dik diġitali. L-istorika Elaine Gurian tipproponi mużewijiet li fihom "il-viżitaturi jkunu jistgħu komdu jfittxu tweġibiet għall-mistoqsijiet tagħhom stess irrispettivament mill-importanza mogħtija lil mistoqsijiet bħal dawn minn oħrajn".[2] Dan ibiddel ir-rwol ta' kuratur minn għalliem għal "faċilitatur u assistent".[2] F’dan is-sens, ir-rwol ta’ kuratur fl-Istati Uniti huwa prekarju, peress li wirjiet diġitali u interattivi spiss jippermettu lill-membri tal-pubbliku jsiru kuraturi, u jagħżlu ċertu informazzjoni huma stess. Dawn il-membri tal-pubbliku mbagħad jistgħu jedukaw lilhom infushom dwar is-suġġett speċifiku li huma interessati fih, aktar milli jqattgħu ħin jisimgħu informazzjoni li m'għandhom l-ebda xewqa li jitgħallmu.

Fis-seklu 21, avvanzi f'teknoloġiji ġodda wasslu għal twessigħ fir-rwol tal-kuratur. Dan it-twessigħ sar suġġett ta' studju u riċerka akkademika.  Bijokuratur huwa xjenzat professjonali li jikkura, jiġbor, jannota, u jivvalida informazzjoni li hija mxerrda f'databases ta' organiżmi bijoloġiċi u mudelli.

Fl-arti kontemporanja, it-titlu "kuratur" jidentifika persuna li tagħżel u spiss tinterpreta xogħlijiet tal-arti. Minbarra l-għażla tax-xogħlijiet, il-kuratur huwa spiss responsabbli għall-kitba ta' tikketti, saġġi fil-katalgu, u kontenut ieħor li jappoġġja l-wirjiet. Dawn il-kuraturi jistgħu jkunu ħaddiema regolari f'istitiuzzjoni kultural, mistiedna minn xi organizzazzjoni relatata jew università, jew kuraturi "freelance" li jaħdmu fuq bażi ta' konsulenza. Tmiem is-seklu 20 ra tkabbir sostanzjali fin-numru ta' artisti jorganizzaw wirjiet tagħhom stess. L-idea t'Artist bħala kuraturi għandha tradizzjoni twila, li tmur lura mill-naqas sa Sir Joshua Reynolds (1723-1792), l-ewwel president tar-Royal Academy of Arts, Londra, imwaqqfa fl-1768.

F'xi organizzazzjonijiet kulturali fl-Istati Uniti, it-terminu "kuratur" jista' jirreferi għall-kap ta' kwalunkwe dipartiment. Dan wassal għall-proliferazzjoni ta' titli bħal "Kuratur tal-Edukazzjoni" (Curator of Education) u "Kuratur tal-Wirjiet" (Curator of Exhibitions). It-terminu "kuratur letterarju" (literary curator) jintuża biex jiddeskrivi persuni li jaħdmu fil-qasam tal-poeżija, bħall-ex-direttur tal-poeżija tan-92nd Streey Y, Karl Kirchwey. Din ix-xejra ġiet riflessa wkoll fir-Renju Unit f'istituzzjonijiet bħal Ikon ta' Birmingham, u l-Baltic ta' Gateshead.

Fl-Awstralja u n-New Zealand, it-terminu japplika wkoll għal persuna li tipprepara ground tal-isports għall-użu (speċjalment ground tal-cricket).[3] Dan ix-xogħol huwa l-istess bħal dak ta' groundman f'nazzjonijiet oħra fejn jintlab il-cricket.

Fi Franza, it-terminu kuratur huwa tradott bħala conservateur. Hemm żewġ tipi ta' kuraturi: kuraturi tal-wirt kulturali (conservateurs du patrimoine) b'ħames speċjalitajiet (arkeoloġija, arkivji, mużewijiet, monumenti storiċi, u mużewijiet tax-xjenzi naturali), u librara kuraturi (conservateurs des bibliothèques). Dawn il-kuraturi jintgħażlu b'eżami kompetittiv u jattendu l-INP (Institut National du Patrimoine).[4] Il-"conservateurs du patrimoine" huma impjegati taċ-ċivil jew jaħdmu fis-servizz pubbliku; l-użu ta' dan it-titlu minn ħaddiema fis-settur privati mhuwiex permess fi Franza.

Edukazzjoni u taħriġ

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kuraturi normalment ikollhom grad akkademiku għoli fis-suġġett tagħhom, tipikament Dottorat (PhD) jew grad ta' masters f’suġġetti bħall-istorja, l-arti, l-istorja tal-arti, l- arkeoloġija, l-antropoloġija, jew il-klassiċi.[5][6] Il-kuraturi huma wkoll mistennija li kkontribwixxu fil-qasam akkademiku tagħhom, per eżempju, billi jagħtu taħdidiet pubbliċi, jippubblikaw artikli, jew jippreżentaw f'konferenzi akkademiċi speċjalizzati. Huwa importanti li l-kuraturi jkollhom għarfien attwali tas-suq tal-arti fil-qasam li fih huma esperti, u jkunu jafu l-prattiki etiċi kurrenti u l-liġijiet li jistgħu jkollhom impatt fuq l-organizzazzjoni tagħhom fil-proċess li jkabbru l-kollezzjonijiet tagħhom.

Il-kumplessità f'bosta mużewijiet u organizzazzjonijiet kulturali wasslet għall-iżvilupp ta’ programmi professjonali f’oqsma bħall-istorja pubblika, l-istudji umanistiċi pubbliċi, l-istudji tal-mużewijiet, l-immaniġġjar tal-arti, u l-prattika kuratorja / kuraziija.[7] Fl-1992, ir-Royal College of Art stabbilixxa kors ta’ MA kofinanzjat mal-Kunsill tal-Arti tal-Gran Brittanja, l-ewwel f'dalk il-pajjiż li speċjalizza fil-kurazija b’enfasi partikolari fuq l-arti kontemporanja. Il-kors issa huwa ffinanzjat mill-Arts Council England, u fl-2001 it-titlu tal-kors sar Curating Contemporary Art biex jirrifletti b’mod aktar preċiż il-kontenut u l-fokus primarju tal-kors. Bl-istess mod, numru t'istituzzjonijiet tal-arti kontemporanja nedew korsijiet ta’ studju kuratorjali bħala alternattiva għal programmi akkademiċi tradizzjonali. Imwaqqfa fl-1987, l-École du Magasin huwa programm ta' taħriġ kuratorjali bbażat fiċ-ċentru tal-arti Le Magasin fi Grenoble, Franza. Bl-istess mod, il-Whitney Museum of American Art jospita programm kuratorjali bħala waħda mit-tliet oqsma ta’ studju tiegħu, u ċ-ċentru tal-arti de Appel nieda programm kuratorjali fl-1994. Istituzzjonijiet oħra li jmexxu programmi fil-kurazija jinkludu Norwich Univerity of the Arts; Courtauld Insitute of Art; Kingston University; Goldsmiths, University of London; Birkbeck, University of London; Chelsea College of Arts; University of the Arts London; California College of the Arts; Bard College; l-École du Louvre; l-Institut national du patrimoine (L-Istitut Nazzjonali tal-Wirt Kulturali); Università ta' Rennes 2 — Upper Brittany; u l-Università ta' Melbourne, fost oħrajn. (Ara → Ħoloq esterni għal aktar informazzjoni dwar dawn il-korsijiet.)

Kurazzjoni mill-Komunità

[immodifika | immodifika s-sors]

Kurazzjoni mill-Komunità - magħrufa wkoll bħala ko-kurazzjoni jew kurazzjoni pubblika huwa moviment fil-mużewijiet tal-Istati Uniti, u organizzazzjonijiet pubbliċi tal-istudji umanistiċi, bl-għan li jinvolvu membri tal-komunità f’diversi proċessi kuratorjali, inkluż l-iżvilupp ta' wirjiet u programmazzjoni kulturali. Il-membri tal-komunità involuti fil-kurazzjoni mill-komunità x'aktarx mhumiex imħarrġa bħala professjonisti tal-mużew, iżda għandhom interessi personali f'proġetti kuratorjali partikolari.[8] Il-kurazzjoni mill-komunità hija reazzjoni għall-mudell ta' tagħlim ta' "trasmissjoni ta' informazzjoni" proposta fis-seklu 19, fejn il-mużewijiet kienu meqjusa bħala sorsi tal-għarfien tal-esperti u r-rwol tal-viżitaturi huwa biss li jirċievu dik il-kapaċità tal-esperti. Il-kurazzjoni mill-komunità ma tfittix li twarrabx l-esperti, iżda li twessa' definizzjonijiet ta' għarfien esperti biex "tinkludi oqsma usa' ta' esperjenza" li l-viżitaturi jġibu fil-mużewijiet.

  1. ^ Chisholm, Hugh (1911). "Curator" . Encyclopædia Britannica. 7 (11th ed.). Cambridge University Press. p. 636. Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt: |senaoriġinali=, |ed=, |koawturi=, |belt=, u |kuratur= (għajnuna)
  2. ^ a b Clough, Wayne (2013). Smithsonian Institution (ed.). Best of Both Worlds: Museums, Libraries and Achieves in the Digital Age. p. 30. Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt: |belt=, |senaoriġinali=, |ed=, |kuratur=, u |koawturi= (għajnuna)
  3. ^ "The Buzz | Cricket Blogs | ESPN Cricinfo". web.archive.org. 2010-12-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-12-04. Miġbur 2021-04-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ fr:Institut national du patrimoine (France)
  5. ^ Carly Chynoweth, How do I become a museum curator? December 22, 2006, Times Online
  6. ^ Stephanie A. Harper, How to become a museum curator. July 6, 2009, Edubook
  7. ^ "Hang it all". the Guardian (bl-Ingliż). 2003-03-09. Miġbur 2021-04-06.
  8. ^ McLean, Kathleen (2011). The Pew Center for Arts and Heritage (ed.). "Whose Questions, Whose Conversations?" in Bill Adair, Benjamin Filene, and Laura Koloski, eds., Letting Go? Sharing Historical Authority in a User-Generated World. Philadelphia. pp. 71–72. Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt: |senaoriġinali=, |ed=, |belt=, |kuratur=, u |koawturi= (għajnuna)

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]
pFad - Phonifier reborn

Pfad - The Proxy pFad of © 2024 Garber Painting. All rights reserved.

Note: This service is not intended for secure transactions such as banking, social media, email, or purchasing. Use at your own risk. We assume no liability whatsoever for broken pages.


Alternative Proxies:

Alternative Proxy

pFad Proxy

pFad v3 Proxy

pFad v4 Proxy