Aqbeż għall-kontentut

Maltin

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-bandiera ta’ Malta

Il-Maltin (bl-Ingliż: Maltese, bit-Taljan: Maltesi) huma nazzjon u grupp etniku indiġenu ta’ Malta li jitkellmu bil-Malti, lingwa Semitika. Malta hija gżira f’nofs il-Baħar Mediterran. Inklużi fil-grupp etniku definit mill-Maltin hemm ukoll l-Għawdxin (bl-Ingliż: Gozitans, bit-Taljan: Gozitani) li jgħixu fil-gżira ta’ Għawdex.

Pitturi tas-seklu 18 ta’ Abraham-Louis-Rodolphe Ducros li juru nies Għawdxin libsin ilbies tradizzjonali

Il-Maltin attwali, ikkaratterizzati mill-użu tal-lingwa Maltija u mill-Kattoliċiżmu Ruman, huwa d-dixxendenti – għalkemm b’ħafna taħlit u ibridizzazzjoni – tal-kolonjalisti minn Sqallija u Calabria li reġgħu popolaw il-gżejjer Maltin fil-bidu tat-tieni millennju wara perjodu ta' żewġ sekli ta’ depopolazzjoni li segwiet il-ħakma Għarbija mill-Aglabidi fit-870 W.K.[1][2] Studju ġenetiku ta’ Capelli et al. jindika li Malta bilkemm kienet abitata fil-bidu tas-seklu għaxra u x’aktarx li ġiet popolata mill-ġdid minn insedjaturi minn Sqallija u minn Calabria li kienu jitkellmu bis-Sikulo-Għarbi (Għarbi li kien mitkellem Sqallija).[3] L-abitanti preċedenti tal-gżejjer – il-Feniċi, ir-Rumani, u l-Biżantini – ma ħallewx ħafna traċċi, peress li ħafna mill-ismijiet tal-postijiet intesew jew ġew sostitwiti. In-Normanni rnexxielhom jaħkmu l-gżira fl-1091 u kkonvertew lill-abitanti kollha għall-Kristjaneżmu sal-1249. Dan il-proċess ta’ Kristjanizzazzjoni mill-ġdid witta t-triq għall-evoluzzjoni tal-lingwa Maltija mid-djalett Sikulo-Għarbi li issa huwa estint.[4]

L-influwenzi fuq il-popolazzjoni wara dan ġew diskussi bil-qawwa fost l-istoriċi u l-ġenetisti. Il-kwistjoni dwar l-oriġini hija waħda kkumplikata minħabba bosta fatturi, fosthom l-istorja mqallba ta’ Malta magħmula minn sensiela ta’ invażjonijiet u ħakmiet, b’perjodi twal ta’ depopolazzjoni segwiti minn perjodi ta’ immigrazzjoni lejn Malta u żwiġijiet bejn il-Maltin u l-barranin mill-pajjiżi tal-Mediterran, tal-Punent tal-Ewropa u tan-Nofsinhar tal-Ewropa li ħakmu lil Malta. Fost il-ħafna influwenzi demografiċi fuq il-gżira nsibu:

  • L-eżilju lejn Malta tal-popolazzjoni maskili kollha tar-raħal ta’ Celano (l-Italja) fl-1223
  • It-tneħħija tal-kumplament tal-Għarab minn Malta fl-1224
  • L-istazzjonar ta’ truppi Swabjani u Taljani Sqallin f’Malta fl-1240
  • Mewġiet oħra ta’ ripopolazzjoni Ewropea matul is-seklu 13[5]
  • Il-wasla ta’ diversi eluf ta’ suldati Aragoniżi (jiġifieri Katalani, Valenzjani, Majjorkani u Aragoniżi proprja, minn Spanja) mill-1283 sal-1425.
  • L-insedjament f’Malta ta’ familji nobbli minn Sqallija (l-Italja) u mill-Kuruna ta’ Aragon bejn l-1372 u l-1450
  • Il-wasla ta’ bosta eluf ta’ baħrin, suldati u skjavi Griegi minn Rodi mal-Kavallieri ta’ San Ġwann fl-1530
  • L-introduzzjoni ta’ diversi eluf ta’ ħaddiema Sqallin fl-1551 u mill-ġdid fl-1566
  • L-emigrazzjoni ta’ xi 891 eżiljat Taljan lejn Malta matul ir-Risorgimento fl-1849
  • L-istazzjonar ta’ xi 22,000 uffiċjal tas-servizz Brittaniku f’Malta mill-1807 sal-1979 (numru żgħir biss minnhom baqgħu fil-gżejjer)[6], kif ukoll Brittaniċi oħra u Irlandiżi li stabbilew ruħhom Malta tul iż-żmien
  • L-emigrazzjoni tal-massa li seħħet wara t-Tieni Gwerra Dinjija u fis-snin 60 u 70 tas-seklu 20. Ħafna Maltin telqu mill-gżira lejn ir-Renju Unit, l-Awstralja, il-Kanada u l-Istati Uniti tal-Amerka. Wara l-adeżjoni ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fl-2004, inħolqu wkoll komunitajiet ta’ espatrijati f’pajjiżi Ewropej bħall-Belġju.

Maż-żmien, id-diversi mexxejja ta’ Malta ppubblikaw il-fehma tagħhom stess dwar l-etniċità tal-popolazzjoni.[7] Il-Kavallieri ta’ Malta ċekknu r-rwol tal-Iżlam f’Malta u ppromovew l-idea ta’ preżenza Kattolika Rumana kontinwa.[8]

Distribuzzjonijiet tal-kromożoma Y fl-Ewropa. Il-Maltin għandhom distribuzzjoni simili ta’ aplogruppi tal-Y-DNA bħat-Taljani tan-Nofsinhar tal-Italja

L-aplogruppi tal-Y-DNA jinstabu fil-frekwenzi li ġejjin f’Malta: R1 (35.55 % inkluż 32.2 % R1b), J (28.90 % inkluż 21.10 % J2 u 7.8 % J1), I (12.20 %), E (11.10 % inkluż 8.9 % E1b1b), F (6.70 %), K (4.40 %), P (1.10 %). L-aplogruppi R1 u I huma tipiċi fil-popolazzjonijiet Ewropej u l-aplogruppi E, K, F u J jikkonsistu minn arbli tar-razza b’distribuzzjoni differenzjali l-iktar fil-Lvant Nofsani u fit-Tramuntana tal-Afrika. L-istudju ta’ Capelli et al. ikkonkluda li l-irġiel kontemporanji ta’ Malta x'aktarx oriġinaw min-Nofsinhar tal-Italja.[9] L-istudju jindika wkoll li Malta bilkemm kienet abitata fil-bidu tas-seklu għaxra u x’aktarx kienet reġgħet ġiet popolata minn insedjaturi minn Sqallija u minn Calabria li kienu jitkellmu bis-Sikulo-Għarbi. Dawn is-sejbiet jikkonfermaw l-evidenza onomastika u lingwistika ppreżentata fl-1993 minn Geoffrey Hull, li rintraċċa l-eqdem kunjomijiet Maltin fin-Nofsinhar u fix-Xlokk ta’ Sqallija, speċjalment fid-distrett ta’ Agrigento.[10]

L-istudju ta’ Capelli et al. tal-2015 għamel raggruppament tal-markaturi ġenetiċi Maltin tal-irġiel ma’ dawk minn Sqallija u minn Calabria, b’input minuskolu mil-Lvant tal-Mediterran b’affinità ġenetika mal-Libanu Kristjan.[11]

Studju ieħor imwettaq mill-ġenetisti Spencer Wells (2017) u Pierre Zalloua tal-Università Amerikana ta’ Bejrut sostna li iktar minn 50 % tal-kromożomi Y mill-irġiel Maltin jaf għandhom oriġini Feniċi.[12] Madankollu, ta’ min jinnota li dan l-istudju mhuwiex rieżaminat mill-pari u hemm studji ewlenin li jikkontradiċu s-sejbiet tiegħu, u li juru bil-provi li l-Maltin għandhom antenati komuni mat-Taljani tan-Nofsinhar tal-Italja, b’input ġenetiku negliġibbli mil-Lvant tal-Mediterran jew mill-Afrika ta’ Fuq.[13]

Qabel is-snin 70 tas-seklu 20, in-nisa Maltin storikament kienu jilbsu l-għonnella, libsa tradizzjonali li saret simbolu ta’ identità Maltija, devozzjoni reliġjuża u pudur[14]

Il-kultura ta’ Malta hija riflessjoni ta’ diversi kulturi li ġew f’kuntatt mal-Gżejjer Maltin tul is-sekli, inkluż kulturi Mediterranji ġirien, u l-kulturi tan-nazzjonijiet li ħakmu lil Malta għal perjodi twal ta’ żmien qabel l-indipendenza tagħha fl-1964.

Il-kultura ta’ Malta moderna ġiet deskritta bħala “mudell rikk ta’ tradizzjonijiet, twemmin u prattiki”, li huwa r-riżultat ta’ “proċess twil ta’ adattament, assimilazzjoni u fertilizzazzjoni trasversali ta’ twemmin u ta’ drawwiet minn diversi sorsi konfliġġenti”. Kienet soġġetta għall-istess proċessi kumplessi u storiċi li wittew it-triq għat-taħlita lingwistika u etnika li tiddefinixxi min huma l-Maltin u l-Għawdxin illum.[15]

Il-Maltin jitkellmu l-Malti, lingwa vernakulari ibrida unika li bażikament hija Semitika iżda b’superstratum Rumanz

Il-Kantilena ta’ Pietru Caxaro, l-eqdem test bil-lingwa Maltija, is-seklu 15

(Taljan) imponenti, u miktuba bl-alfabett Latin fil-forma standard tiegħu. Il-lingwa ġejja mis-Sikulo-Għarbi, djalett estint tal-Għarbi li kien mitkellem fi Sqallija min-nies indiġeni li dak iż-żmien kienu maqsuma fir-reliġjon fi Kristjani tar-rit Grieg u Musulmani li l-antenati reċenti tagħhom kienu Sqallin ikkonvertiti mill-Kristjaneżmu.[16] Tul l-istorja ta’ Malta, il-lingwa adottat ammonti kbar ta’ kelmiet fil-vokabularju mill-Isqalli u mit-Taljan, isselfet ammont inqas ta’ kliem mill-Ingliż (l-angliċiżmi huma iktar komuni fil-Malti kollokjali milli fil-lingwa letterarja), u sselfet ftit għexieren ta’ kelmiet mill-Franċiż. Numru kbir ta’ kelmiet u idjomi li jidhru Għarab mal-ewwel daqqa t’għajn huma fil-fatt traduzzjonijiet ta’ kelmiet misselfa (kalki) mill-Isqalli u mit-Taljan li ftit li xejn jagħmlu sens għal kelliema ta’ lingwi oħra ġejjin mill-Għarbi.

Il-Malti sar lingwa uffiċjali ta’ Malta fl-1934, minflok it-Taljan u flimkien mal-Ingliż. Huwa stmat li hemm madwar 371,900 kelliem tal-Malti f’Malta, bi statistika li tikkwota li 100 % tal-popolazzjoni kapaċi titkellem bil-Malti, 88 % bl-Ingliż, 66 % bit-Taljan u 17 % bil-Franċiż, li juri grad ikbar ta’ ħiliet lingwistiċi mill-biċċa l-kbira ta’ pajjiżi Ewropej oħra.[17] Fil-fatt, il- multilingwiżmu huwa fenomenu komuni f’Malta, bl-Ingliż, bil-Malti u xi kultant bit-Taljan li jintużaw fil-ħajja ta’ kuljum. Filwaqt li l-Malti huwa l-lingwa nazzjonali, ġie ssuġġerit li bl-axxendenza tal-Ingliż tista’ tibda sseħħ bidla fil-lingwa; għalkemm stħarriġ li jmur lura għall-2005 issuġġerixxa li l-persentaġġ ta’ Maltin li jitkellmu bil-Malti bħala l-lingwa materna tagħhom f’Malta baqa’ għoli (97 %).[18]

Il-Kostituzzjoni ta’ Malta tipprevedi l-libertà tar-reliġjon imma tistabbilixxi l-Kattoliċiżmu Ruman bħala r-reliġjon tal-istat. Il-popolazzjoni Maltija oriġinali kienet Kristjana tar-rit Biżantin (Grieg), bħall-komunitajiet Kristjani iktar antiki ta’ Sqallija. Konsegwentement, l-iktar saff antik tal-vokabularju liturġiku bil-Malti jikkonsisti minn kliem Grieg u Għarbi (dan tal-aħħar użat fil-qima mis-Sqallin tar-rit Biżantin li kienu jitkellmu bl-Għarbi matul l-okkupazzjoni Musulmana). Ir-rit Ruman (bil-Latin bħala l-lingwa liturġika) ġie impost fil-gżejjer kollha fil-bidu tas-seklu erbatax, għalkemm il-knisja Kattolika Griega ġiet stabbilita mill-ġdid wara l-1530 mill-Kavallieri ta’ San Ġwann għas-segwaċi tagħhom minn Rodi u minn inħawi oħra tal-Greċja.

Malta hija deskritta fil-Ktieb tal-Atti tal-Appostli (Atti 27:39-42 u Atti 28:1-11) bħala l-post fejn Pawlu l-Appostlu safa nawfragu fi triqtu lejn Ruma biex jgħaddi mill-proċess ġudizzjarju. Freedom House u l-World Factbook jirrappurtaw li 98 % tal-Maltin huma Kattoliċi (l-iktar tar-rit Ruman, b’minoranza tar-rit Biżantin), u b’hekk in-nazzjon huwa wieħed mill-iktar pajjiżi Kattoliċi fid-dinja.[19]

Mafkar tal-Migranti Tfal, fix-Xatt tal-Belt Valletta, li jfakkar it-310 migranti tfal Maltin li vvjaġġaw lejn l-Awstralja bejn l-1950 u l-1965.
Nicolò Isouard kien kompożitur Malti li għex u ħadem fi Franza.

Malta ilha pajjiż ta’ emigrazzjoni, b’komunitajiet Maltin kbar jgħixu f’pajjiżi oħra li jitkellmu bl-Ingliż kif ukoll fi Franza

L-emigrazzjoni tal-massa qabdet ġmielha fis-seklu 19, u laħqet il-quċċata tagħha fid-deċennji ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija.

L-emigrazzjoni kienet inizjalment lejn il-pajjiżi tat-Tramuntana tal-Afrika (partikolarment l-Alġerija, it-Tuneżija u l- Eġittu); iktar ’il quddiem l-emigranti Maltin bdew imorru lejn ir-Renju Unit, l-Istati Uniti, il-Kanada u l-Awstralja.[20] Fadal ftit traċċi tal-komunitajiet Franċiżi-Maltin fit-Tramuntana tal-Afrika, peress li l-biċċa l-kbira minnhom ġew spostati, wara li bdew ifeġġu l-movimenti tal-indipendenza, lejn postijiet bħal Franza (speċjalment lejn Marsilja u r-Rivjera), ir-Renju Unit jew l-Awstralja. Il-Franċiżi-Maltin huma kulturalment distinti mill-Maltin minn Malta, fis-sens li tal-ewwel baqgħu marbuta mal-użu tal-lingwa Taljana (spiss, iżda mhux dejjem, flimkien mal-Malti) kif ukoll jitkellmu bil-Franċiż.

Għalkemm l-emigrazzjoni ma baqgħetx tkun fenomenu soċjali sinifikanti, għad hemm komunitajiet Maltin importanti fl-Awstralja, fil-Kanada, fl-Istati Uniti u fir-Renju Unit. L-emigrazzjoni naqset b’mod drammatiku wara nofs is-snin sebgħin tas-seklu 20 u minn dak iż-żmien ’l hawn ma baqgħetx fenomenu soċjali sinifikanti. Minn meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea fl-2004, iffurmaw komunitajiet ta’ espatrijati f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej, partikolarment fil-Belġju u fil-Lussemburgu.

  1. ^ "So who are the 'real' Maltese?". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-27.
  2. ^ "History of Gozo | Gozo Tourism Association". islandofgozo.org. Miġbur 2021-04-27.
  3. ^ "Genetic origin of contemporary Maltese". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-27.
  4. ^ "MED Magazine". macmillandictionaries.com. Miġbur 2021-04-27.
  5. ^ Constantiae Imperatricis et Reginae Siciliae Diplomata: 1195-1198, ed. T.K.Slzer (Vienna, 1983), pp. 237-240.
  6. ^ "Joseph M. Brincat, "Language and Demography in Malta: The Social Foundations of the Symbiosis between Semitic and Romance in Standard Maltese," in Malta: A Case Study in International Cross-Currents". www.webcitation.org. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-05. Miġbur 2021-04-27.
  7. ^ "Anthony Luttrell, "Medieval Malta: the Non-written and the Written Evidence", in Malta: A Case Study in International Cross-Currents". www.webcitation.org. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-05. Miġbur 2021-04-27.
  8. ^ "history conservation Malta David Mallia Malta Historical Society Melita Historica". web.archive.org. 2008-03-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-03-14. Miġbur 2021-04-27.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  9. ^ "Genetic origin of contemporary Maltese". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-27.
  10. ^ Geoffrey Hull, The Malta Language Question: A Case Study in Cultural Imperialism, Valletta: Said International, 1993, pp. 317-330.
  11. ^ "Genetic origin of contemporary Maltese". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-27.
  12. ^ Zalloua, Pierre A.; Platt, Daniel E.; Sibai, Mirvat El; Khalife, Jade; Makhoul, Nadine (2008-11-17). "Identifying Genetic Traces of Historical Expansions: Phoenician Footprints in the Mediterranean". The American Journal of Human Genetics (bl-Ingliż). 83 (5): 633–642. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  13. ^ "Genetic origin of contemporary Maltese". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-27.
  14. ^ "The last għonnella". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-27.
  15. ^ J. Cassar Pullicino, "Determining the Semitic Element in Maltese Folklore", in Studies in Maltese Folklore, Malta University Press (1992), p. 68.
  16. ^ "MED Magazine". web.archive.org. 2008-05-09. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-05-09. Miġbur 2021-04-27.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  17. ^ "Europeans and their Languages (PDF) Ec.europa.eu" (PDF).
  18. ^ ""EUROPEANS AND LANGUAGES" (PDF). Ec.europa.eu" (PDF). web.archive.org. 2007-01-28. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-01-28. Miġbur 2021-04-27.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  19. ^ "Catholic Church in Malta". www.gcatholic.org. Miġbur 2021-04-27.
  20. ^ https://www.sbs.com.au/language/english/audio/2021-census-how-many-maltese-are-there-in-australia


pFad - Phonifier reborn

Pfad - The Proxy pFad of © 2024 Garber Painting. All rights reserved.

Note: This service is not intended for secure transactions such as banking, social media, email, or purchasing. Use at your own risk. We assume no liability whatsoever for broken pages.


Alternative Proxies:

Alternative Proxy

pFad Proxy

pFad v3 Proxy

pFad v4 Proxy