Aqbeż għall-kontentut

Papa Ġwanni XXIII

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Papa Ġwanni XXIII

Vuċi
261. Papa

28 Ottubru 1958 - 3 Ġunju 1963
Papa Piju XII - Papa Pawlu VI
cardinal priest (en) Translate

29 Ottubru 1953 - 28 Ottubru 1958
Adeodato Giovanni Piazza (mul) Translate - Giovanni Urbani (en) Translate
patriarch of Venice (en) Translate

15 Jannar 1953 - 28 Ottubru 1958
Carlo Agostini (en) Translate - Giovanni Urbani (en) Translate
Dioceses: Patriarchate of Venice (en) Translate
kardinal

12 Jannar 1953 -
Apostolic Nuncio to France (en) Translate

22 Diċembru 1944 - 12 Jannar 1953
Valerio Valeri (en) Translate - Paolo Marella (en) Translate
arċisqof titulari

30 Novembru 1934 -
Dioceses: Mesembria (en) Translate
apostolic visitor (en) Translate

3 Marzu 1925 -
arċisqof titulari

3 Marzu 1925 -
Dioceses: Areopolis (en) Translate
deacon (en) Translate

18 Diċembru 1903 -
apostolic delegate (en) Translate

Ħajja
Isem propju Angelo Giuseppe Roncalli
Twelid Sotto il Monte Giovanni XXIII (en) Translate, 25 Novembru 1881
Nazzjonalità Italja
Stat tal-Belt tal-Vatikan
Renju tal-Italja
Mewt Palazz Appostoliku, 3 Ġunju 1963
Post tad-dfin Tomb of John XXIII (en) Translate
Vatican Grotto (en) Translate
Kawża tal-mewt kawżi naturali (kanċer fl-istonku)
Familja
Missier Giovanni Battista Roncalli
Konjuga/i Not married
Edukazzjoni
Alma mater Pontifical Roman Seminary (en) Translate
La Sapienza
Livell tal-edukazzjoni Doctor of Theology (en) Translate
Lingwi Taljan
Latin
Portugiż
Franċiż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni Qassis fil-Knisja Kattolika
transitional deacon (en) Translate
Latin Catholic bishop (en) Translate
Post tax-xogħol Ruma
Stat tal-Belt tal-Vatikan
Venezja
Sofija
Pariġi
Xogħlijiet importanti Pacem in Terris (en) Translate
Ad Petri Cathedram (en) Translate
Sacerdotii Nostri Primordia (en) Translate
Grata Recordatio (en) Translate
Princeps Pastorum (en) Translate
Mater et Magistra (en) Translate
Aeterna Dei Sapientia (en) Translate
Paenitentiam Agere (en) Translate
Premjijiet
Influwenzat minn Giacomo Radini-Tedeschi (en) Translate
Festa
11 ta' Ottubruu 3 ta' Ġunju
Servizz militari
Grad logutenent
Iġġieldu L-Ewwel Gwerra Dinjija

Papa San Ġwanni XXIII, imwieled Angelo Roncalli (Sotto il Monte Giovanni XXIII, Bergamo, Italja, 25 ta' Novembru 1881 – Belt tal-Vatikan, 3 ta' Ġunju 1963), kien il-261 Papa tal-Knisja Kattolika. Kien elett Papa fit-28 ta' Ottobru 1958 u f'inqas minn ħames snin ta bidu għat-tiġdid fil-Knisja Kattolika bil-Konċilju Vatikan II. Magħruf bħala l-"Papa buono" jew il-"Papa twajjeb". Kien ibbeatifikat mill-Papa Ġwanni Pawlu II fit-3 ta' Settembru 2000. Fis-27 ta’ April 2014 kien iddikjarat qaddis fi Pjazza San Pietru minn Papa Franġisku.

Bin Giovanni Battista u Marianna mwielda Mazzola, Angelo Roncalli twieled fl-1881 f’familja kbira ta’ bdiewa foqra f’Sotto il Monte (illum Sotto il Monte Giovanni XXIII) qrib Bergamo, fl-Italja ta’ fuq. Kien ir-raba' wild minn tlettax -il aħwa. Għammduh dakinhar stess li twieled fil-Knisja ta' Santa Maria. Il-familja tiegħu kienet reliġjuża ħafna u kienu jitolbu flimkien kuljum. Bħal ħafna tfal żgħar oħra l-gost tiegħu kien li joqgħod fit-tieqa jara n-nies għaddejjin. Għalih bniedem wieħed biss kien differenti min-nies kollha li kienu jgħaddu minn hemm: il-kappillan bil-libsa s-sewda. Ta' 8 snin għamel l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma.

B'differenza minn ħutu Angelino kien iktar iħobb il-kotba mill-imgħażqa. Bagħtuh l-ewwel għand il-kappillan ta' Cavico li kien jgħallmu d-dar tiegħu, u mbagħad kien student estern tal-Kulleġġ ta' Celana. Meta Angelino wera x-xewqa li jsir qassis, iz-ziju ta' missieru (ħu nannuh) Zaverio, li kien parrinuh fil-magħmudija, offra li jħallaslu biex jistudja s-Seminarju Minuri ta' Bergamo, fejn daħal meta kellu 12-il sena. Angelino lesta l-istudji tiegħu f'qasir żmien, tant li fis-seminarju kien l-iżgħar wieħed tal-klassi. Ta' 19 -il sena kien lesta mill-korsijiet, imma skond il-liġijiet ekkleżjastiċi ma setax ikun ordnat saċerdot qabel jagħlaq 24 sena, u għalhekk intbagħat Ruma biex jiggradwa fit-Teoloġija fis-Seminario dell'Apollinare ta' Roma, illum il-Pontificio Seminario Romano Maggiore.

Nhar l-10 t'Awissu 1904, huwa kien ordnat qassis fil-Knisja ta' Santa Maria in Monte Santo, fi Piazza del Popolo f'Ruma (fejn iltaqa' ukoll mal-Papa San Piju X), u l-għada qaddes l-ewwel quddiesa tiegħu fil-Bażilika ta' San Pietru fil-Vatikan. Nhar il-15 t'Awissu, festa ta' Santa Marija, qaddes l-ewwel darba fl-istess knisja fejn kien tgħammed f'Sotto il Monte.

L-isqof il-ġdid ta’ Bergamo, Giacomo Radini-Tedeschi mill-ewwel għażlu bħala s-Segretarju tiegħu. F'din il-kariga Roncalli wera dedikazzjoni, diskrezjoni u effiċjenza. Min-naħa tiegħu Radini-Tedeschi baqa' dejjem mudell għal Angelo Roncalli. Minkejja Radini-Tedeschi kien ġej minn familja nobbli u ta' karattru riservat u ta' ftit kliem, kien dejjem Isqof sensittiv u ġeneruż. Kien impenjat fil-problemi soċjali ta' żmienu. Fil-ħarifa tal-1909, huwa appoġġja strajk f'Ranica, fejn il-ħaddiema ta' fabbrika li kienu f'union Kattolika kienu qed jitolbu għal tnaqqis fis-sigħat ta' xogħol, li kienu 11-il siegħa xogħol għal sitt ijiem fil-ġimgħa. Tant daħal fiha li xi wħud fil-Knisja bdew jakkużawh b'moderniżmu u progressiżmu, it-tnejn ikkundannati mill-Knisja. Roncalli baqa' jassisti lil Radini-Tedeschi sakemm dan miet b'kanċer nhar it-22 t'Awissu 1914 fl-età ta' 57 sena. Fl-istess żmien Roncalli kien jgħallem ukoll l-Istorja tal-Knisja u l-Patroloġija fis-Seminarju.

Waqt l-I Gwerra Dinjija bagħtuh fl-isptar ta’ Bergamo bħala surġent. Ftit wara sar kappillan militari fejn ra l-knejjes jinbidlu fi sptarijiet mimlijin feruti. Wara l-gwerra, fl-1921, il-Papa Benedittu XV għamlu responsabbli mill-ġbir tal-fondi għall-għajnuna lit-Taljani.

1925-35: Viżitatur Appostoliku fil-Bulgarija

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1925, il-Papa Piju XI ħatru isqof u bagħtu bħala Viżitatur Appostoliku fil-Bulgarija. Roncalli, li kellu jivjaġġa ħafna f'postijiet diffiċli biex jaqdi lill-Papa, għażel bħala motto episkopali Oboedientia et pax ("Ubbidjenza u Paċi", bil-Latin). L-ordinazzjoni tiegħu saret fid-19 Marzu 1925 f'Ruma fil-Knisja ta' San Carlo al Corso. Fil-Bulgarja ried jaffronta l-kwistjoni taħraq tar-rapporti bejn il-Kattoliċi ta' rit Latin u dawk tar-rit Orjentali u wkoll jieħu ħsieb ir-relazzjoni mal-maġġoranza Ortodossa fil-pajjiż.

Disat ijiem qabel ma Roncalli wasal il-Bulgarija, terroristi ppruvaw joqtlu lir-Re Boris III billi qiegħdu bomba fil-koppla tal-Katidral ewlieni Ortodoss ta' Sofia. L-isplużjoni waqqgħet il-koppla fuq il-fidili Ortodossi u qatlet 150 minnhom u feriet 300. Roncalli żar lill-feruti fi sptar Kattoliku li kien qed joffri kura b'xejn lil kulħadd. Boris tant impressjona ruħu li xi jiem wara laqa' għandu lil Roncalli – ġest sinjifikattiv għax Roncalli ma kellu l-ebda titlu diplomatiku imma biss viżitatur.

Roncalli żar belt fil-Bulgarija fejn is-sentiment anti-Kattoliku infexx fi vjolenza. Lawrence Elliott fil-bijografija, I Will Be Called John, jikteb "għall-ħars bl-ikrah li kien jirċievi kien jagħti tbissima. Imbagħad għamel omelija b'tant imħabba, ħbiberija, u rieda tajba, li l-Viċiprefett Ortodoss, anti-Kattoliku feroċi, mar isellimlu." Fl-1928, sensiela ta' terremoti għeżżu lill-Bulgarija ċentrali. Roncalli mexxa personalment it-tqassim tal-ikel u tal-kutri fiż-żoni milquta u anke raqad fit-tined ta' emerġenza qabel dawk li spiċċaw bla dar. Meta ma kienx ikollu iktar x'itihom kien ifarraġhom bil-preżenza tiegħu. Roncalli talab fondi papali għal kċina li temgħethom għal xahrejn.

1935-44: Fit-Turkija u l-Greċja isalva ħafna Lhud

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1935, Roncalli nħatar Delegat Appostoliku fit-Turkija u l-Greċja. Għalkemm ma kellu l-ebda awtorità diplomatika mal-gvern sekulari Tork, Roncalli, bħala l-uniku rappreżentant tal-Vatikan fil-pajjiż, beda relazzjonijiet kordjali mal-uffiċjali tal-pajjiż. Dawn il-kuntatti swew ħafna meta bdiet it-Tieni Gwerra Dinjija u l Istanbul li baqgħet newtrali saret il-bejta ta' intrigi diplomatiċi u spjunaġġi.

L-ewwel ma Roncalli sema' b'dak li kienu għaddejjin minnu l-Lhud fl-Ewropa maħkuma min-Nażisti, kien meta ltaqa' ma' refuġjati Lhud li kienu qegħdin jaħarbu mil-Polonja f'Settembru 1940, u hu kien strumentali biex dan il-vapur mimli Lhud li kienu waslu t-Turkija, jirnexxielu jibgħathom lejn port ħieles, u fil-fatt dawn waslu fil-Palestina, dak iż-żmien kolonja Ingliża. Roncalli kiteb hekk fuq l-Olokawst:

 Hawn qegħdin nitrattaw ma' wieħed mill-akbar misteri tal-umanità. L-ulied imsejkna ta' Israel. Kuljum nisma' t-tnehid tagħhom madwari. Huma l-qraba u l-kompajżana ta' Ġesù. Jalla l-Feddej Divin jassistihom u jdawwalhom. 

Roncalli wassal ukoll ir-rabja tiegħu lill-Ġermaniżi. Huwa ċanfar lill-ambaxxatur Ġermaniż Franz von Papen, Kattoliku devot li ried li l-Papa Piju XII jappoġġja pubblikament l-invażjoni Ġermaniża tal-Unjoni Sovjetika. Lil von Papen, wieġbu:

 U x'imissni ngħidlu lill-Papa fuq l-eluf ta' Lhud li nqatlu fil-Ġermanja u l-Polonja taħt idejn niesek? 

Iżda fi tmiem il-gwerra Roncalli kiteb lit-Tribunal ta' Nuremberg li von Papen –

 ħallieni nsalva l-ħajja ta' 24,000 Lhudi. 

Bl-għajnuna tar-Re Boris tal-Bulgarija Roncalli uża r-Red Cross biex isalva ta' Lhud Slovakki li kienu ġew deportati l-Bulgarija biex jinqatlu.

Fi Frar 1944, Roncalli iltaqa' darbtejn ma' Rabbi Isaac Herzog, ir-rabbi ewlieni ta' Ġerusalemm. Herzog talbu jinterċedi għal 55,000 Lhudi li kienu se jinqatlu fir-Rumanija. Iżda billi l-ħruxija Nażista eskalat fl-aħħar sena tal-Gwerra, din id-darba rnexxielu jsalva biss 750 Lhudi – 250 minnhom tfal orfni – meta vapur bihom wasal Ġerusalemm.

Fis-sajf tal-1944, Roncalli ltaqa' ma' Ira Hirschmann, mibgħuta speċjali tal-American War Refugee Board u immigranta Ungeriża. F'Marzu, il-Ġermanja kienet invadiet l-Ungerija, u Hirschman ġabet magħha dokumentazzjoni tal-persekuzzjoni anti-Semitika f'pajjiżha. Roncalli semagħha b'attenzjoni u ddeċieda li jkompli u jwessa' dak li kienu qegħdin jagħmlu xi sorijiet Ungeriżi, jiġifieri li joħorġu ċertifikati tal-magħmudija lil-Lhud u dawn kienu qed jitħallew joħorġu mill-Ungerija bla ma jiġrilhom xejn min-Nażi. Roncalli għamel minn kollox biex joħroġ ċertifikati tal-magħmudija, ċertifikati tal-immigrazzjoni, u visas – ħafna minnhom foloz – lil-Lhud Ungeriżi, f'intervent imsejjaħ "Operation Baptism" (Operazzjoni Magħmudija). Din l-operazzjoni tant kienet suċċess li meta s-Sovjetiċi ħadu Budapest fi Frar 1945, madwar 100,000 Lhudi kienu ġew salvati.

1944-53: Nunzju fi Franza

[immodifika | immodifika s-sors]

Fi tmiem il-gwerra, meta diġà kellu 63 sena, laħaq Nunzju Appostoliku ta’ Pariġi fejn kellu jiddefendi tletin isqof Franċiż li kienu qed jiġu mixlija mill-gvern ta’ De Gaulle li kienu kkollaboraw mal-Ġermaniżi waqt il-gwerra. Il-problema ssolviet wara li tliet isqfjiet irriżenjaw minn jeddhom. F’Pariġi Roncalli sar ħabib ta’ nies importanti mhux Insara iżda li kienu jaraw fih il-bniedem li jġib il-paċi. Kemm dam Franza żar il-kampijiet kollha ta’ konċentrament u għen ħafna lil Dun Francesco Stok biex iwaqqaf seminarju għall-priġunieri Ġermaniżi tal-Gwerra. Fl-1947 ordna ħafna minnhom.

1953-58: Patrijarka ta' Venezja

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1953 inħatar Patrijarka (Isqof) ta’ Venezja, fejn wera tjubija u ħniena kbira mal-foqra, morda, iltima, studenti u xjuħ. Fit-12 ta' Jannar ta' dik is-sena kien inħatar kardinal. Fil-ħames snin li għamel hemmhekk wera ukoll kemm kien bniedem miftuħ għal kulħadd, meta fost l-oħrajn bagħat messaġġ lill-Kungress tal-PSI, il-Partit Soċjalista li kien alleat tal-Komunisti ikkundannati mill-Knisja, meta dan iltaqa' f'Venezja fi Frar 1957.

Meta l-Papa Piju XII miet, ġie elett Papa bl-isem ta’ Ġwanni XXIII fit-28 ta’ Ottubru 1958, meta kellu 77 sena. Raġel xiħ, qasir u oħxon u bid-daħka fuq fommu. Uħud sejħulu “papa ta’ tranżizzjoni” sakemm isibu lil xi ħadd aħjar minnu. Ħadd ma mmaġina li kellu jkun il-Papa li jpoġġi sfida quddiem il-Knisja biex iġġedded l-identità u l-missjoni tagħha. Tliet xhur wara l-għażla tiegħu, nhar il-25 ta’ Jannar 1959 ħabbar li kien ser isir Konċilju Ekumeniku biex jara x’jista’ jsir biex il-Knisja tiġġedded (aggiornamento) u sseħħ l-għaqda fost l-insara. Il-Konċilju beda fil-11 t’Ottubru 1962 meta 2,500 isqof minn kull rokna tad-dinja nġabru f’Ruma. L-interventi rari tiegħu waqt il-Konċilju (li ma kienx lest qabel mewtu) kienu favur il-moviment għall-bidla kif mixtieq mill-maġġoranza tad-delegati. Jibqa' magħruf id-diskors spontanju li Ġwanni XXIII għamel fil-ftuħ tal-Konċilju filgħaxija mit-tieqa tal-Palazz Appostoliku waqt purċissjoni aux flambeaux. Hekk kif ra l-folol fid-dawl tal-qamar, għamel diskors mill-isbaħ li baqa’ jissejjaħ bħala d-diskors tal-qamar:

 Si direbbe che persino la luna si è affrettata sta sera; osservatela in alto a guardare questo spettacolo; tornando a casa troverete i bambini; date loro una carezza e dite questa è la carezza del papa; troverete qualche lacrima da asciugare? Dite una parola buona, il Papa è con noi specialmente nelle ore della tristezza e dell’amarezza. 

 Wieħed jista’ jgħid li saħansitra l-qamar qed jiġri biex jara dil-lejla; arawh hemm fuq josserva dan l-ispettaklu; meta tmorru lura d-dar issibu t-tfal; għannquhom u għidulhom din hi t-tgħanniqa tal-Papa; issibu xi demgħa li tridu tixxottaw; għidu kelma tajba; il-Papa hu magħna fil-mumenti ibsin u ta’ dwejjaq. 

Kiteb seba’ enċikliċi, fosthom Mater et Magistra (1961), li tisħaq fuq id-dinjità individwali bħala l-bażi tal-istituzzjonijiet soċjali, u Pacem in Terris (1963), li tħeġġeġ għal koperazzjoni internazzjonali għall-paċi u l-ġustizzja u tikkommetti lill-knisja f’interess għall-problemi kollha tal-bniedem.

Papa Ġwanni kien miftuħ ħafna lejn ir-reliġjonijiet l-oħra u fl-1960 waqqaf is-segretarjat għall-għaqda Nisranija, kellu kuntatti mal-knisja Ortodossa u l-mexxejja Protestanti u mal-World Council of Churches, u ħadem bis-sħiħ għad-djalogu bejn l-Insara u l-Lhud. Id-diplomazija teigħu flimkien mal-popolarità li kellu għamluh figura influenti fix-xena internazzjonali. Iltaqa’ ma’ numru ta’ mexxejja dinjija, fosthom il-Presidenti tal-Istati Uniti Dwight D. Eisenhower u John F. Kennedy.

Ġwanni XXIII kien jiftaħar bl-oriġini tiegħu ta’ bidwi għalkemm kien bniedem ta’ kultura kbira; fost ix-xogħlijiet tiegħu nsibu studji f’ħames volumi dwar San Karlu Borromeo. Id-djarji tiegħu, ippubblikati fl-1965 bħala Il Giornale dell’Anima (Il-Ġurnal tar-Ruħ) u Ittri lill-Familja Tiegħu (1969), juru s-sempliċità profonda u l-umiltà tal-ħajja spiritwali tiegħu. It-tolleranza, l-ottimiżmu u l-personalità ġenjali tiegħu għamluh maħbub ma’ miljuni ġewwa u barra l-Knisja, u sakemm miet - nhar it-30 ta’ Ġunju 1963 - kien laħaq sar l-aktar Papa maħbub fi żminijiet moderni.

Aneddoti Popolari tal-Papa Ġwanni XXIII

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Darba meta kien għadu ma laħaqx Papa, Mons. Angelo Roncalli kien qed jagħmel żjara fi sptar. Resaq lejn tifel marid u staqsieh x’jismu. It-tifel wieġbu: “Arcangelo”. “Arkanġlu?” qallu l-Papa, “mela int aħjar minni għax jien sa anġlu biss wasalt!”
  • Meta l-Arċisqof Roncalli kien Nunzju għal Franza, stieden xi ħbieb għall-ikel. Id-Deputat Priministru Franċiż kien l-ewwel wieħed li wasal. Malli rah Roncalli ftakar fl-ikla u qallu: “Kont insejt!” Bla telf ta’ żmien mar ġab il-borom u hu u d-Deputat Priministru qagħdu jippreparaw l-ikla.
  • Hu u sejjer lejn Ruma, il-Kardinal Pollakk Wyzynski waqaf Venezja għax il-ferrovija kien tieqaf hemm għal xi siegħa. Roncalli, li kien il-Patrijarka ta’ Venezja stiednu għal dawra bid-dgħajsa fil-Canal Grande. Il-Kardinal Pollakk ħa pjaċir ħafna bid-dawra iżda nħasad malli ħares lejn l-arloġġ u ra li tilef il-ferrovija. Roncalli hemżu waħda u qallu: “Tħabbel rasek xejn, Eminenza. Dak ir-raġel li hemm fid-dgħajsa huwa responsabbli mill-istazzjon. Għedtilhom biex bis-sewwa jew bid-dnewwa ma jħalluhx jitlaq. Il-ferrovija mhix ħa tiċċaqlaq pulzier mingħajru.”
  • Darba l-Kardinal Roncalli ltaqa’ mal-kittieb famuż Fr Daniel Rops, li bil-maqlub tiegħu kien irqiq ħafna. Malli rah Roncalli qallu: “Father, irridu nitolbu flimkien lil Mulej biex ineħħi nofs ix-xaħam żejjed li għandi jien u jagħtih lilek!”
  • Waqt li kien dieħel għall-Konklavi biex jintgħażel Papa ġdid, il-Kardinal Roncalli sema’ waħda mara tgħid għalih: “Dan żgur ma jilħaqx Papa, daqs kemm hu oħxon.” U hu pront pront weġibha: “Mela hawn ġew sejrin għal xi titlu ta’ Miss Universe jew?”
  • Kien propju f’jum l-għażla tiegħu bħala Papa li wera kemm kien ċajtier. Iċ-ċerimonjier ħassu mifxul għall-aħħar meta ntebah li ma kellux libsa ta’ Papa tiġih. Il-ħajjat kien ħejja tliet ilbiesi iżda l-kbira kienet twila wisq u ż-żgħira dejqa ħafna. Biex ikisser it-tensjoni ta’ dak il-mument il-Papa, daħkan, qal: “Kulħadd riedni Papa barra l-ħajjat.” Iktar tard meta staqsewh kif ħassu meta sar Papa, wieġeb bla mistenni: “Kont qisni tarbija… mfisqija f’libsa bajda dejqa wisq għalija.”
  • Meta laħaq Papa ried imur fejn il-ħabsin għax “dawk ma jistgħux jiġu jarawni… allura mmur jien.” Mar ikellimhom, sejħilhom ħutu u wriehom li l-ħniena ta’ Alla hija bla tarf u hu dejjem jinsav lest li jaħfrina. Wieħed mill-ħabsin mimli fiduċja għall-kliem tal-Papa, resaq lejh u minn taħt l-ilsien staqsieh: “Taħseb li għalija wkoll hemm tama?” Il-Papa flok wieġbu ħaddnu miegħu u b’hekk urieh li l-ħniena t’Alla hi għalih ukoll jekk jitlob maħfra.
  • Matul waħda miż-żjarat tiegħu fil-ħabs, ħabsi li kien pinġa pittura tal-Papa xtaq jippreżentahielu. Waqt li l-Papa kien għaddej minn quddiem iċ-ċella tiegħu pprova jurih li xtaq itih xi ħaġa iżda l-Papa ma ndunax. L-għada xi ġurnali irrapurtaw dan il-fatt u d-diżappunt tal-ħabsi. Il-Papa qara l-ġurnal u kien iddispjàut għall-aħħar. Mill-ewwel bagħat qassis biex f’ismu jitlob apoloġija lill-ħabsi u jgħidlu li jiddispjàieh li ddiżapuntah.
  • Il-mara ta’ wieħed mir-reporters tal-ġurnal tal-Vatikan kienet ilha tmien snin marida gravi. Kif kienet fis-sodda bla ħsieb ta’ xejn, ħabta u sabta, sabet f’darha ‘l Papa Ġwanni. X’kien ġara? Waqt li l-Papa kien sejjer lura lejn il-Palazz tal-Vatikan, xi ħadd talbu jibgħat il-barka tiegħu lil mart ir-reporter. “Għax nibagħtuhielha?” staqsa l-Papa. “Immur u nwassalhielha jien stess!” U bla telf ta’ żmien qabad triqtu lejn dar il-marida, li daqskemm tħawdet x’ħin rat Papa ma’ wiċċha, ma felħitx tgħidllu ħlief: Grazzi!
  • Xi ħadd darba staqsa lil Papa Ġwanni: “Kemm għandek nies jaħdmu fil-Vatikan” U hu bi tbissima weġibhom: “Mhux iktar minn nofshom!”
  • Fl-I Gwerra Dinjija Roncalli kien surġent fi sptar u kappillan militari. F’udjenza li kellu wara li laħaq Papa mal-isqfijiet Taljani lemaħ lill-Isqof Pintonello, il-kappillan tal-armata, li kien liebes uniformi ta’ ġeneral. Malli Pintonello kien se jitbaxxa biex ibus iċ-ċurkett tal-Papa, il-Papa mexa ‘l quddiem jitbissem, tah is-salut u qallu: “Sergente Roncalli, al suo commando.”
  • Ftit minuti qabel ma laqa’ għandu lil Jacqueline Kennedy, mart il-President Amerikan, il-Papa staqsa lil kardinal kif kellu jindirizzaha. Dan il-kardinal wieġbu: “Santo Padre, tista’ tindirizzaha bħala ‘Madam’ jew ‘Mrs President’.” Iżda malli Mrs Kennedy daħlet għandu, il-Papa mar fuqha b’idejh miftuħin u qalilha “Hello, Jacqueline!”

Papa Ġwanni XXIII u Malta

[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar l-24 ta' Lulju 1960, fl-Għeluq tal-Festi Ċentinarji ta' San Pawl fuq il-Fosos tal-Furjana, kien instema' l-messaġġ tal-Papa Ġwanni XXIII lill-Poplu Malti li ta l-barka bil-Malti fost iċ-ċapċip u l-ewforija ta' dawk preżenti:

 Venerabili fratelli e diletti figli di Malta!

Con profonda soddisfazione vi porgiamo il Nostro paterno saluto, lieti di poterci rivolgere direttamente a voi per il tramite delle onde radiofoniche, al termine delle celebrazioni per il XIX centenario del naufragio di S. Paolo nella vostra isola. La Nostra prima parola vuole essere di vivo compiacimento per il fervore da voi dimostrato in questa circostanza, che sarà ricordata a lettere d'oro nei fasti della storia religiosa di codesta isola nobilissima e cattolicissima, come ben volle chiamarla il Nostro Predecessore Pio XI...

Inberkukom b'qalbna kollha, fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu. Amen. 

Fl-1971, Patri Dijonisju Mintoff, kien fetaħ il-Laboratorju tal-Paċi Papa Ġwanni XXIII f'Ħal-Far. Beda jagħti wkoll premju ta' kull sena bl-isem Premju għat-Tjubija Papa Ġwanni XXIII, li jingħata mill-President ta' Malta.

Fl-1988, Patri Pawl Cremona, li iktar tard sar arċisqof, ippubblika t-teżi tiegħu The Concept of Peace in Pope John XXIII, li biha kien kiseb id-Dottorat fit-Teoloġija fl-1973. F'din it-teżi, il-ħsieb tal-Papa Ġwanni XXIII dwar il-paċi jiġi żviluppat minn Cremona b’mod profond li fih huwa jieħu l-valur tal-Paċi fid-dawl tal-Verità, il-Ġustizzja, il-Libertà u l-Karità. Il-ħsieb tal-Paċi ta’ Ġwanni XXIII jiġi attwalizzat minn Cremona fejn juri li r-reliġjon hi essenzjali għall-kultura tal-paċi.

Fl-Ordinazzjoni tiegħu bħala Isqof, nhar is-26 ta' Jannar 2007, Mons. Pawl Cremona libes l-alba ta' Papa Ġwanni XXIII li tahielu s-Segretarju tal-Papa, Loris Capovilla. Fl-omelija tiegħu, Cremona qal hekk:

 Jiena nixtieq li jkunu tiegħi xi wħud mill-proponimenti li għamel il-Beatu Papa Ġwanni XXIII fl-irtir tal-Konsagrazzjoni Episkopali tiegħu fl-1925. Naħseb tafu li din l-alba li jiena qed nilbes illum kienet tal-Papa Ġwanni XXIII, li jiena qed nilbes b’tant biża u tant venerazzjoni. Il-Papa qal hekk: 'Jiena ma fittixtx jew xtaqt dan il-ministeru tiegħi; il-Mulej għażilni… imiss lilu li jgħatti n-nuqqasijiet tiegħi, u jimla l-limitazzjonijiet tiegħi…. Jiena nħoss u naf li jien bla saħħa u mhux kapaċI, raġuni oħra biex nibqa’ umli, ħafna ħafna umli. Jien irrid li nkun kollni u totalment għal Alla, mimli bid-dawl tiegħu, niddi bl-imħabba għal Alla u għall-erwieħ tal-bnedmin.'

Jalla l-ministeru tiegħi jkun wieħed ta’ Rikonċiljazzjoni fil-kelma u fl-għemil; u l-predikazzjoni tiegħi mhux fil-persważjoni tal-kliem ta’ l-għerf uman, iżda fil-wirja ta’ l-ispirtu u l-qawwa; u l-awtorita’ li ġiet mogħtija lili mill-Knisja, qatt ma tiġi wżata għall-glorja tiegħi – użata mhux biex tkisser iżda biex tibni… 

Nhar is-26 ta’ Diċembru 2008, l-Isqof Cremona iċċelebra Quddiesa fil-Kappella tal-Ħabs, jew il-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin. Fl-omelija tiegħu, Mons. Arċisqof qal:

 Illum jaħbat il-50 sena minn meta l-Papa Ġwanni XXIII mar jara l-ħabsin f’Ruma, l-għada tal-Milied. Fil-Milied mar jara t-tfal morda fi sptar u l-għada mar il-ħabs Regina Coeli f’Ruma biex jiltaqa’ mal-ħabsin. Għall-Papa Ġwanni XXIII dawn kienu l-privileġġjati li ried iwasslilhom il-Kelma. Ma marx il-knisja. Ma marx post ieħor. Mar il-ħabs. Nixtieq ngħidilkom li din l-alba li jien liebes illum, hija tiegħu (ta’ Ġwanni XXIII). Meta kont se nsir isqof, kien hemm xi ħadd li kiteb lil dak li kien is-segretarju tiegħu, Mons. Loris Francesco Capovilla li tani din l-alba u qalli biex inżommha; qiegħda Malta biex tfakkarna fih. Hemm żewġ affarijiet fil-ħajja tiegħu li nixtieq naqsam magħkom; żewġ messaġġi. L-ewwel wieħed hu għas-soċjeta kollha. Darba, meta kont qiegħed fejn kien jgħix hu – hemm mużew – Mons. Capovilla, li kien segretarju għal bosta snin mal-Papa Ġwanni XXIII, qalli din l-istorja:

Darba kien hemm saċerdot li kien qed jgħix mhux tajjeb. Kien hemm min beda jagħfas lis-segretarju biex jgħid lill-Papa ħalli jżommlu iebes. Is-segretarju kellem lill-Papa. Ġwanni XXIII għamel riferenza għal tazza li kellu u staqsa lil Mons. Capovilla jekk it-tazza kinitx tiegħu (tal-Papa). Is-segretarju wieġbu: ‘U żgur li tiegħek’. Kisser it-tazza u reġa' staqsa lis-segretarju jekk it-tazza kenitx tiegħu. Dan wieġbu li kienet tiegħu. Il-Papa qallu: ‘Allura jekk saċerdot żbalja, m’għadux tiegħi?’ Dan hu l-messaġġ li nixtieq nagħti lis-soċjeta. Anke meta aħna nkunu mkissrin, is-soċjeta, b’mod speċjali l-Knisja, xorta kulħadd jibqa’ tagħha u tagħna. Dan irid ikun l-ewwel messaġġ: m’inthomx esklużi; ħadd mhu eskluż. Kollox huwa tagħna u tas-soċjeta.

Ħaġa oħra li xtaqt li naqsam magħkom, forsi sservikom, hija din: Il-Papa Ġwanni meta kien żgħir, meta kien seminarista, kien jaħdem ħafna biex isir qaddis. Kien jara l-qaddisin u jipprova jimitahom. Fid-djarju tiegħu hemm miktub li ftit qabel ma qaddes, qal hekk: ‘Jien la nista’ nkun dak il-qaddis, la nista’ nkun dak il-qaddis, u lanqas dak il-qaddis. L-uniku ħaġa li nista’ nkun - hu kien jismu Angelo Roncalli, bin il-bdiewa – hija Angelo Roncalli li nipprova nsir qaddis’. Hix bidu tajjeb? Int min int, għamilt x’għamilt, jiena u int, l-uniku ħaġa nista’ nkun jiena, Pawlu Cremona – bit-tajjeb, bl-imgħawweġ li għandi ġo fija – li nipprova nsir aħjar. Hijiex filosofija sabiħa tal-ħajja? Tibda mil-lum: ‘X’se nagħmel biex insir aħjar?’ Hija mixja li l-Mulej qed jipprovdilna.

Nagħlaq b’dak li qal il-Papa Ġwanni XXIII ħamsin sena ilu, meta żar il-ħabs:‘U issa nagħtikom il-barka tiegħi. Hija għalikom, iżda anke għall-għeżiez tagħkom li ħallejtu f’darkom u li forsi huma jbatu u fid-dwejjaq anke f’dawn il-jiem tal-ferħ tal-Milied. Issa, illejla, meta tiktbu lil tad-dar tagħkom, għidu lil ommijietkom, lill-mara tagħkom, lil ħutkom li l-Papa ġie biex ifittixkom, u ħares f’għajnejkom, qiegħed qalbu fil-qalb tagħkom u takom il-barka tiegħu. M’għandix aktar x’nista’ noffrilkom, iżda qalbi hi hawn, qrib tagħkom, biex inkun magħkom.’ Dan hu l-messaġġ tal-Papa Ġwanni XXIII. 

pFad - Phonifier reborn

Pfad - The Proxy pFad of © 2024 Garber Painting. All rights reserved.

Note: This service is not intended for secure transactions such as banking, social media, email, or purchasing. Use at your own risk. We assume no liability whatsoever for broken pages.


Alternative Proxies:

Alternative Proxy

pFad Proxy

pFad v3 Proxy

pFad v4 Proxy