Aqbeż għall-kontentut

Park Storiku ta' Sukhothai

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Statwa ta' Buddha f'Wat Si Chum.

Il-Park Storiku ta' Sukhothai (bit-Tajlandiż: อุทยานประวัติศาสตร์สุโขทัย) ikopri l-fdalijiet ta' Sukhothai, li litteralment tfisser "iż-żerniq tal-ferħ" u li kienet il-belt kapitali tar-Renju ta' Sukhothai fis-sekli 13 u 14 W.K., fit-Tramuntana tat-Tajlandja ċentrali.[1] Jinsab qrib il-belt moderna ta' Sukhothai, il-belt kapitali tal-Provinċja ta' Sukhothai. Il-ħitan tal-belt jiffurmaw rettangolu ta' madwar żewġ kilometri (1.2 mil) mil-Lvant għall-Punent b'1.6 kilometru (0.99 mili) mit-Tramuntana għan-Nofsinhar. B'kollox hemm 193 struttura fi fdalijiet f'70 km2 (27 mil kwadru) ta' art. Hemm daħla fin-nofs ta' kull ħajt. Fi ħdan il-ħitan hemm il-fdalijiet tal-palazz irjali u ta' sitta u għoxrin tempju. L-ikbar tempju hu Wat Mahathat. Il-park jiġi ġestit mid-Dipartiment tal-Belle Arti tat-Tajlandja bl-għajnuna mill-UNESCO minn mindu ġie ddikjarat bħala Sit ta' Wirt Dinji fl-1991.[2] Kull sena l-park jilqa' eluf ta' viżitaturi.

Era tal-Khmer

[immodifika | immodifika s-sors]
Mappa tal-Park Storiku ta' Sukhothai.

Oriġinarjament, Sukhothai kienet post militari tal-għassa tal-Imperu tal-Khmer bl-isem ta' Sukhodaya.[3][4][5] Matul ir-renju tal-Imperu tal-Khmer, il-Khmer bnew xi monumenti fil-post, u bosta minnhom għadhom jeżistu fil-Park Storiku ta' Sukhothai, bħas-santwarju ta' Ta Pha Daeng, Wat Phra Phai Luang u Wat Sisawai.[6] Bejn wieħed u ieħor xi 50 kilometru fit-Tramuntana ta' Sukhothai kien hemm post militari ieħor tal-għassa tal-Imperu tal-Khmer li kien imsejjaħ Si Satchanalai jew Sri Sajanalaya.[7][8]

F'nofs is-seklu 13, it-tribujiet Tai mmexxija minn Si Indradit irribellaw kontra l-gvernatur tal-Khmer f'Sukhodaya u stabbilew lil Sukhothai bħala stat indipendenti tat-tribujiet Tai li baqa' ċ-ċentru tas-setgħa tagħhom sal-aħħar tas-seklu 14.[3][8]

Ħelsien mill-Imperu tal-Khmer (Lavo)

[immodifika | immodifika s-sors]
Iż-żoni ta' influwenza ta' Sukhothai u tal-ġirien tagħha għall-ħabta tal-1300.

Qabel is-seklu 13, suċċessjoni ta' renji tat-tribujiet Tai kienu jeżistu fl-artijiet għoljin tat-Tramuntana, fosthom ir-renju ta' Ngoenyang (iċċentrati f'Chiang Saen, predeċessur ta' Lan Na) u r-renju ta' Heokam (iċċentrat f'Chiang Hung, illum il-ġurnata Jinghong fiċ-Ċina) tat-tribù ta' Tai Lue. Sukhothai kienet ċentru kummerċjali u parti minn Lawo, li kienet taħt id-dominju tal-Imperu tal-Khmer. Il-migrazzjoni tal-poplu Tai fin-naħa ta' fuq tal-wied ta' Chao Phraya seħħet b'mod pjuttost gradwali.

L-istoriċi moderni jemmnu li s-seċessjoni ta' Sukhothai (li fl-imgħoddi kienet magħrufa bħala Sukhodaya) mill-Imperu tal-Khmer bdiet saħansitra fl-1180, matul ir-renju ta' Pho Khun Sri Naw Namthom, li kien il-mexxej ta' Sukhothai u l-belt periferika ta' Sri Satchanalai (illum il-ġurnata d-Distrett ta' Si Satchanalai fil-Provinċja ta' Sukhothai). Sukhothai kellha awtonomija sostanzjali sa qabel ma reġgħet inħakmet mill-Mon ta' Lawo taħt Khomsabad Khlonlampong fl-1180.

Żewġ aħwa subien, Pho Khun Bangklanghao u Pho Khun Phameung ħatfu lil Sukhothai minn taħt ir-riedni tal-Mon fl-1239. Khun (ขุน), qabel ma sar titlu fewdali Tajlandiż, kien titlu tat-tribujiet Tai li kien jingħata lil mexxej ta' belt iffortifikata u tal-villaġġi tal-madwar, li flimkien kienu jissejħu muang.[9] Bangklanghao rrenja fuq Sukhothai, magħrufa bħala Sri Indraditya, u ta bidu għad-dinastija ta' Phra Ruang. Huwa kabbar ir-renju tiegħu sal-bliet fil-fruntiera. Sal-aħħar tar-renju tiegħu fl-1257, ir-Renju ta' Sukhothai kien ikopri n-naħa kollha ta' fuq tal-wied tax-xmara Chao Phraya (li dak iż-żmien kienet magħrufa sempliċement bħala Menam, "omm l-ilmijiet", l-isem ġeneriku bit-Tajlandiż għax-xmajjar).

L-istoriċi tradizzjonali Tajlandiżi kkunsidraw l-istabbiliment tar-Renju ta' Sukhothai bħala l-bidu tan-nazzjon Tajlandiż peress li ma tantx kien hemm tagħrif dwar ir-renji li ġew qabel Sukhothai. L-istudji storiċi moderni juru li l-istorja Tajlandiża bdiet qabel Sukhothai. Minkejja dan, l-istabbiliment ta' Sukhothai għadu avveniment li jiġi ċċelebrat kull sena.

Tkabbir taħt Ramkamhaeng

[immodifika | immodifika s-sors]

Pho Khun Ban Muang u ħuh Ram Khamhaeng kabbru r-Renju ta' Sukhothai. Lejn in-Nofsinhar, Ramkamhaeng issoġġetta lir-renji ta' Supannabhum u ta' Sri Thamnakorn (Tambralinga) taħt il-kmand tiegħu, u permezz ta' Tambralinga, adotta l-Buddiżmu Theravada bħala r-reliġjon tal-istat. Lejn it-Tramuntana, Ramkamhaeng wassal biex Phrae u Muang Sua (Luang Prabang) ikunu tributarji tiegħu.

Lejn il-Punent, Ramkhamhaeng għen lill-poplu Mon taħt Wareru (li jingħad li kellu x'jaqsam sesswalment ma' bint Ramkamhaeng) jiksbu l-ħelsien mid-dominju ta' Bagan u jistabbilixxu renju f'Martaban (iktar 'il quddiem ittrasferew ruħhom f'Pegu). B'hekk, l-istoriċi Tajlandiżi kkunsidraw ir-Renju ta' Martaban bħala tributarju ta' Sukhothai. Fil-prattika, id-dominju ta' Sukhothai jaf ma kienx estiż daqshekk.

Fir-rigward tal-kultura, Ramkhamhaeng ordna l-propagazzjoni tal-Buddiżmu Theravada f'Sukhothai permezz tal-patrijiet ta' Sri Thamnakorn. Fl-1283, Ramkamhaeng jingħad li vvinta l-kitba Tajlandiża, u inkorporaha fl-istele kontroversjali ta' Ramkamhaeng, li ġiet skoperta 600 sena wara minn Mongkut.

Kien matul dan il-perjodu wkoll li ġew stabbiliti l-ewwel kuntatti mad-dinastija Yuan u Sukhothai bdiet tibgħat missjonijiet kummerċjali lejn iċ-Ċina. Esportazzjoni magħrufa sew minn Sukhothai kienet dik tas-Sangkalok (fuħħar tad-dinastija Song). Dan kien l-unika perjodu li Siam ipproduċiet ċeramika bi stil Ċiniż, li sas-seklu 14 ma baqgħet tintuża iktar.

Deklin u dominju ta' Ayutthaya

[immodifika | immodifika s-sors]
Stele tar-Re Ram Kamhaeng il-Kbir bil-kitba mnaqqxa fuq kull naħa.

Id-dominju ta' Sukhothai ma tantx dam wisq. Wara l-mewt ta' Ramkhamhaeng fl-1298, it-tributarji ta' Sukhothai ħelsu minn kull rabta li kellhom mar-Renju ta' Sukhothai. Minflok Ramkhamhaeng laħaq ibnu, Loe Thai. Ir-renji tal-vassalli, l-ewwel Uttaradit fit-Tramuntana, imbagħad ftit wara r-renji ta' Laos ta' Luang Prabang u ta' Vientiane (Wiangchan), ħelsu lilhom infushom. Fl-1319, l-istat tal-Mon fil-Punent inħeles ukoll, u fl-1321 il-Lanna assorbew lil Tak, waħda mill-eqdem bliet taħt il-kontroll ta' Sukhothai. Lejn in-Nofsinhar, il-belt setgħana ta' Suphanburi kisbet il-ħelsien ukoll fil-bidu tar-renju ta' Loe Thai. B'hekk, ir-renju malajr iċċekken u reġa' kellu importanza lokali biss. Finalment, fl-1378, l-armati tar-Renju ta' Ayutthaya li kulma jmur beda jikber invadew ir-Renju ta' Sukhothai u obbligaw lir-Re ta' Sukhothai, Thammaracha II, iċedi quddiem din il-qawwa l-ġdida. Wara l-Battalja tax-xmara Sittaung fl-1583, ir-Re Naresuan ta' Phitsanulok (u l-prinċep eredi ta' Ayutthaya) obbligaw ir-rilokazzjoni tan-nies minn Sukhothai u mill-inħawi tal-madwar lejn il-pjanura ċentrali tan-Nofsinhar, minħabba l-gwerra mal-Burmiżi u minħabba terremot.[10]

Żvilupp iktar 'il quddiem

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-prinċep eredi Vajiravudh wettaq riċerka arkeoloġika f'Sukhothai fl-1907.

Sukhothai reġgħet ripopolat ruħha iżda għaddiet minn perjodu ta' deklin minħabba gwerer suċċessivi bejn il-Burmiżi u s-Siamiżi, speċjalment il-Gwerra bejn Burma u Siam tal-1765-1767. Fl-1793, Rama I, wara li stabbilixxa lil Bangkok bħala l-belt kapitali l-ġdida tar-renju, stabbilixxa l-belt il-ġdida ta' Sukhothai f'Thani, 12-il kilometru (7.5 mili) lejn il-Lvant tal-belt antika ta' Sukhothai li ġiet abbandunata. Fl-1801, Rama I kkummissjona l-kostruzzjoni ta' bosta tempji rjali fil-belt kapitali. Huwa ordna li l-istatwi antiki tal-Buddha mill-fdalijiet tat-tempji madwar il-pajjiż jittieħdu lejn Bangkok. Waħda mill-istatwi ta' Buddha hija l-istatwa famuża tal-bronż għolja tmien metri (25 pied) ta' Phra Sri Sakyamuni (bit-Tajlandiż: พระศรีศากยมุนี; RTGS: phra si sakkayamuni), l-istatwa prinċipali tal-Buddha ta' Wat Suthat, li qabel kienet l-istatwa prinċipali tal-Buddha ta' Wat Mahathat, l-ikbar tempju f'Sukhothai. Fl-1833, Mongkut, matul il-perjodu li kien patri, ivvjaġġa lejn Sukhothai u skopra l-istele kontroversjali ta' Ramkhamhaeng f'Wat Mahathat, flimkien ma' artefatti oħra li issa jinsabu fil-Mużew Nazzjonali f'Bangkok. L-isem formali ta' din il-ħaġra hi l-wirt dokumentarju tal-kitba mnaqqxa tar-Re Ram Khamhaeng, li tniżżlet fir-Reġistru tal-Memorja tad-Dinja fl-2003 mill-UNESCO.

Fl-1907, Vajiravudh, bħala l-prinċep eredi, wettaq skavi arkeoloġiċi ta' xahrejn sħaħ f'Nakhon Sawan, f'Kampheang Phet, f'Sukhothai, f'Si Satchanalai, f'Uttaradit u f'Pitsanulok. Iktar 'il quddiem ippubblika l-"Vjaġġ fil-Belt ta' Phra Ruang" (bit-Tajlandiż: เที่ยวเมืองพระร่วง; RTGS: Thiao Muang Phra Ruang) sabiex jippromwovi l-istudju storiku u arkeoloġiku b'mod pubbliku. Dan ix-xogħol intuża iktar 'il quddiem minn diversi arkeologi u storiċi, fosthom Damrong Rajanubhab, il-fundatur tas-sistema edukattiva moderna Tajlandiża, u George Coedès, studjuż tas-seklu 20 tal-arkeoloġija u tal-istorja tax-Xlokk tal-Asja.

Il-park storiku nfetaħ uffiċjalment f'Lulju 1988. Fit-12 ta' Diċembru 1991 ġie ddikjarat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO flimkien mal-bliet storiċi assoċjati u l-parks storiċi assoċjati ta' Kamphaeng Phet u ta' Si Satchanalai.[2]

Il-Park Storiku ta' Sukhothai jiġi ġestit mid-Dipartiment tal-Belle Arti fi ħdan il-Ministeru għall-Kultura. Il-ħarsien taż-żona tħabbar għall-ewwel darba fil-Gazzetta Rjali fis-6 ta' Ġunju 1962. Il-liġi li wittiet it-triq għal dan kienet l-Att dwar il-Monumenti Antiki, l-Antikitajiet, l-Oġġetti tal-Arti u l-Mużewijiet Nazzjonali, B.E. 2504 (1961) kif emendata permezz tal-Att (Nru 2), B.E. 2535 (1992).[11]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Park Storiku ta' Sukhothai u l-Bliet Storiċi Assoċjati ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1991.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[2]

  • A.B. Griswold: Towards A History Of Sukhothai Art. The Fine Arts Department, Bangkok, 1967 (l-ebda ISBN).
  • Hiram W. Woodward Jr.: Guide to Old Sukhothai. The Fine Arts Department, Bangkok, 1972 (l-ebda ISBN).
  • Betty Gosling: Sukhothai Its History, Culture, And Art. Asia Books (Oxford University Press), Bangkok, 1991,  ISBN 974-8206-85-8.
  1. ^ "A guide to the ruins of Sukhothai, Thailand". Travel (bl-Ingliż). 2018-12-12. Miġbur 2023-02-12.
  2. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Town of Sukhothai and Associated Historic Towns". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-12.
  3. ^ a b Swearer, Donald K. (1995-01-01). The Buddhist World of Southeast Asia. SUNY Press. ISBN 978-0-7914-2459-9.
  4. ^ Wicks, Robert S. (2018-05-31). Money, Markets, and Trade in Early Southeast Asia: The Development of Indigenous Monetary Systems to AD 1400. Cornell University Press. ISBN 978-1-5017-1947-9.
  5. ^ Olsen, Brad (2004). Sacred Places Around the World: 108 Destinations. CCC Publishing. ISBN 978-1-888729-10-8.
  6. ^ orientalarchitecture.com. "Ta Pha Daeng Shrine, Sukhothai, Thailand". Asian Architecture (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-12.
  7. ^ "Chaliang Zone of the Si Satchanalai Historical Park". www.renown-travel.com. Miġbur 2023-02-12.
  8. ^ a b "Si Satchanalai - Jim Wageman". www.jimwagemanphoto.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-12.
  9. ^ Terwiel, Barend Jan (1983). "Ahom and the Study of Early Thai Society" (PDF). Journal of the Siam Society. p. 71.
  10. ^ พิเศษ เจียจันทร์พงษ์ (2003). พระมหาธรรมราชากษัตราธิราช. Bangkok: สำนักพิมพ์มติชน. p. 57. ISBN 974-322-818-7.
  11. ^ "ประกาศกรมศิลปากร เรื่อง กำหนดเขตที่ดินโบราณสถาน" (PDF). Royal Gazette. p. 79. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2012-06-01. Miġbur 2023-02-12.
pFad - Phonifier reborn

Pfad - The Proxy pFad of © 2024 Garber Painting. All rights reserved.

Note: This service is not intended for secure transactions such as banking, social media, email, or purchasing. Use at your own risk. We assume no liability whatsoever for broken pages.


Alternative Proxies:

Alternative Proxy

pFad Proxy

pFad v3 Proxy

pFad v4 Proxy