Aqbeż għall-kontentut

Prospero Grech

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Prospero Grech
kardinal

18 Frar 2012 -
Arċisqof Kattoliku

8 Frar 2012 -
arċisqof titulari

18 Jannar 2012 -
Dioceses: San Leone titular see (en) Translate
Ħajja
Twelid Birgu, 24 Diċembru 1925
Nazzjonalità Malta
Mewt Ruma, 30 Diċembru 2019
Kawża tal-mewt kawżi naturali
Edukazzjoni
Alma mater Pontifical Gregorian University (en) Translate
Pontifical Biblical Institute (en) Translate
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni saċerdot Kattoliku
għalliem fl-università
Impjegaturi Pontifical Gregorian University (en) Translate
Università Pontificia Lateranense

Il-Kardinal Prospero Grech (Birgu, 24 ta' Diċembru, 1925 - Ruma, Italja, 30 ta' Diċembru, 2019), imwieled Stanley Grech, kien it-tieni Kardinal Malti fl-istorja tal-Knisja Kattolika.

Bin Vincenzo Grech u Amelia mwielda Gatt. Ir-Reġistru tal-Magħmudija tal-parroċċa ta’ San Lawrenz tal-Belt Vittoriosa jgħid li Patri Prospero kien mgħammed jumejn wara li twieled, jiġifieri fis-26 ta’ Diċembru, mill-Arċipriet ta’ dak iż-żmien, il-Kan Joseph Maria Farrugia. Hu ngħata l-isem ta’ Stanley. Ingħata wkoll ħames ismijiet oħra: David, John, Arthur, Lawrence u Joseph. Il-parrinijiet tiegħu tal-magħmudija kienu John u Sophia Craig.

Studja l-Liċeo u serva bħala gunner fil-Home Guard tal-Università fi żmien il-Gwerra. Wara li għamel tliet xhur fl-Army, beda l-kors tal-mediċina fl-Università ta’ Malta, iżda wara sena daħal mal-Patrijiet Agostinjani fl-1943. Il-professjoni solenni tiegħu għamilha fi ħdan dan l-Ordni fis-26 ta’ Ottubru 1947. Ħa l-isem reliġjuż ta’ Prospero. Kien ordnat subdjaknu f’Ruma fit-3 ta’ Lulju 1949 u ordnat presbiteru fil-Bażilika ta’ San Giovanni Laterano f’Ruma fil-25 ta’ Marzu 1950.

Patri Prospero Grech studja l-filosofija fil-Monasteru ta’ San Mark, ir-Rabat, Malta, u t-Teoloġija fil-Kulleġġ ta’ Santa Monika f’Ruma. Huwa kiseb Dottorat fit-Teoloġija mill-Università Gregorjana ta’ Ruma (1953), Liċenzjat fl-Iskrittura Mqaddsa mill-Istitut Pontifiċju Bibliku ta’ Ruma (1954) u Diploma fil-Psikoloġija Edukattiva minn Freibourg, l-Iżvizzera (1951). Patri Prospero Grech irriċerka l-lingwi Semitiċi fl-Università ta’ Oxford (1957-58) wara li kien akkwista ‘scholarship’ tal-British Council u f’dik ta’ Cambridge (1958-59). Fl-1958, il-Professur Arberry tal-Istudji Orjentali fl-Università ta’ Cambridge, ried skular Malti ħalli jgħinu f’xogħol li kien qed jagħmel. Il-Professur Ġużè Aquilina kien irrakkomanda lill-Professur Prospero Grech għal dan ix-xogħol. Il-Professur Prospero Grech għen lill-Professur Arberry fil-ktieb “A Maltese Anthology” ta’ poeżija u proża Maltija maqluba bl-Ingliż u fi ktieb ieħor bl-isem “Dun Karm – Poet of Malta” maħruġ minn Arberry u Grech minn Cambridge University Press.

Artiklu ppubblikat fil-Catholic Herald jikkwota lill-kittieb u l-kritiku Nigel Dennis jgħid li Patri Prospero huwa possibilment l-iktar persuna intelliġenti li teżisti. Din l-allegata stqarrija ta' Dennis għaddiet mingħand l-armla ta' Dennis għal għand il-kittieb tal-artiklu, Patri Alexander Lucie-Smith.

Karigi u Unuri

[immodifika | immodifika s-sors]

Fost id-diversi karigi li okkupa fl-Ordni Agostinjan, fl-1971 inħatar l-ewwel President tal-Istitut Patristiku Augustinianum tal-Ordni ta' Santu Wistin. Barra minn hekk Patri Prospero ħadem f'diversi universitajiet barra minn Malta u f'Kummissjonijiet Pontifiċji. Kien ukoll Konsultur tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi.

Fit-13 ta’ Diċembru 2011, Jum ir-Repubblika, Patri Prospero Grech kien onorat mill-President ta’ Malta, Dr George Abela, bħala Kumpann tal-Ordni Nazzjonali tal-Meritu.

Medjatur fil-Kwistjoni Politiko-Reliġjuża tas-Sittinjiet

[immodifika | immodifika s-sors]

Waqt konferenza li kienet saret fl-2010, intitolata Revisiting Labour's History, il-Professur Godfrey Pirotta kien qal li fis-snin sittin Patri Prospero kien ghamilha ta' medjatur bejn il-Partit Laburista u l-Vatikan fuq il-kwistjoni tas-sitt punti. Ftit huma dawk li jafu b'dan is-sehem ta' medjatur li kellu Patri Prospero, u dan proprju ghax din il-medjazzjoni ma kinitx giet imxandra. Fl-1963 kienet saret laqgħa sigrieta bejn Dom Mintoff u Patri Prospero gewwa Ruma, fejn iktar tard Patri Prospero kien ressaq l-argumenti tal-Mexxej Laburista quddiem il-Vatikan. Dan kollu kien qed isir bhala parti mill-isforz tal-Partit Laburista biex il-kwistjonijiet bejn l-Istat u l-Knisja jissolvew darba ghal dejjem.

Is-sitt punti li Mintoff kien qed jinsisti fuqhom biex jintlahaq qbil bejn iz-zewg nahat kienu jinkludu: is-separazzjoni bejn Stat u l-Knisja; l-ugwaljanza bejn religjonijiet differenti; ir-rikon-oxximent legali taz-zwieg civili u anki d-divorzju ghal min kien jemmen fih; it-taghlim tar-religjon fl-iskejjel tal-Istat li jinghata biss lil min jixtiequ; li l-iskejjel privati jghaddu min process ta' spezzjoni qabel jikkwalifikaw ghall-fondi mill-Gvern; is-servizzi socjali jinghataw lil kulhadd minghajr diskriminazzjoni (anki lil tfal imwielda barra z-zwieg); li l-Knisja taghti kontribut finanzjarju u l-privilegum fori jkun ristrett; ic-censura fuq l-arti tkun hielsa mill-influwenza tal-Knisja; u li l-Knisja ma tindahalx fl-affarijiet tal-Istat.

Skont il-ġurnal Laburista Kullħadd, Patri Prospero kien wieħed minn żewġ patrijiet, li kienu ġew indikati minn Ruma li setgħu jieħdu post l-Isqof Emmanuel Gerada. Imma allegatament Monsinjur Mikiel Gonzi kien instema' jgħid li f'din il-kariga ried jaħtar qassis, u mhux patri. L-istess sorsi jispekulaw ukoll jekk din kinitx verament ir-raguni li ghalfejn Gonzi kien oggezzjona li Patri Prospero jinhatar f'din kariga, u dan fid-dawl tal-fatt li Patri Prospero kellu parentela ma' familja b'konnotazzjonijiet Laburisti qawwija.

Skont il-ġurnalista Anton Cassar, Grech jiġi t-tifel ta’ oħt Mosè Gatt li serva fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Laburista sal-isplit fil-partit. Fr Prospero Grech kien imsemmi biex isir isqof iżda billi kien jiġi mil-Laburista Mosè Gatt, il-Gvern ta’ Borg Olivier ma approvax in-nomina tiegħu.

Ħatra ta' Isqof u Kardinal

[immodifika | immodifika s-sors]

Kien is-Sibt 6 ta’ Jannar 2012, festa tal-Epifanija f’Ruma, li l-Papa Benedittu XVI, wara l-Angelus ta’ nofsinhar, ħabbar li kien se jlaqqa’ Konċistorju biex jinnomina 22 membru ġdid tal-Kulleġġ tal-Kardinali fosthom lil Grech. Il-Papa dakinhar iddeskriva lil Patri Prospero Grech OSA bħala “professur emeritu ta’ għadd ta’ universitajiet Rumani u Konsultur tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi”. Patri Prospero huwa t-tieni Kardinal Malti fl-istorja tal-Knisja, wara li fis-seklu dsatax Malta kellha Kardinal ieħor, Fabrizio Sceberras Testaferrata, li kien nominat Kardinal mill-Papa Piju VII, kważi 200 sena qabel, fil-Konċistorju tas-6 t’April 1818.

Patri Prospero Grech inħatar arċisqof fit-8 ta' Frar 2012 fil-Konkatidral ta' San Ġwann, il-Belt Valletta. Fit-18 ta' Frar inħatar Kardinal mill-Papa Benedittu XVI. Il-Provinċja Agostinjana Maltija ferħet lil Patri Prospero ghan-nomina li rcieva bhala Kardinal. "Minbarra li huwa unur fuq livell personali, huwa wkoll unur ghall-Ordni ta' Santu Wistin li fin-nomina tieghu jara r-rikonoxximent tal-Knisja Universali ghas-servizz lejn l-Evangelju".

Patri Prospero ngħata t-titlu personali ta' Arċisqof Titulari ta' San Leone fil-Basilicata, titlu li qablu ġarru l-Kardinal Stanislaw Dziwisz, bl-arma tiegħu, li tirrappreżenta s-salib ta' Malta u l-arma tal-Agostinjani bil-baklu u s-salib. Interessanti ċ-ċurkett tad-deheb li ngħata mill-Kurja Arċiveskovili Maltija lill-Isqof Prospero Grech, maħdum kollu Malta u li juri lil San Pawl bis-salib, ħuġġieġa u l-lifgħa.

Ħoloq Esterni

[immodifika | immodifika s-sors]
pFad - Phonifier reborn

Pfad - The Proxy pFad of © 2024 Garber Painting. All rights reserved.

Note: This service is not intended for secure transactions such as banking, social media, email, or purchasing. Use at your own risk. We assume no liability whatsoever for broken pages.


Alternative Proxies:

Alternative Proxy

pFad Proxy

pFad v3 Proxy

pFad v4 Proxy