Aqbeż għall-kontentut

Bliet Antiki tal-Pyu

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Mappa li turi l-estensjoni tal-bliet antiki tal-Pyu fiċ-ċirku l-aħmar.

Il-Bliet Antiki tal-Pyu (bil-Burmiż: ပျူ မြို့ပြ နိုင်ငံများ; biċ-Ċiniż issimplifikat: 骠国; biċ-Ċiniż tradizzjonali: 驃國; bil-Pinyin: Biāoguó) kienu grupp ta' bliet-stati li kienu jeżistu mill-ħabta tas-seklu 2 Q.K. sal-ħabta ta' nofs is-seklu 11 fil-parti ta' fuq ta' Burma/Myanmar. Il-bliet-stati ġew stabbiliti bħala parti mill-migrazzjoni lejn in-Nofsinhar tal-poplu Pyu li kien jitkellem it-Tibetan/il-Burmiż. Dawn kienu l-iżjed abitanti bikrin ta' Burma li għad għandna rekords eżistenti tagħhom.[1] Il-perjodu ta' elf sena, li spiss issir referenza għalih bħala l-millenju tal-Pyu, huwa marbut ma' Żmien il-Bronż sal-bidu tal-perjodu tal-istati klassiċi meta r-Renju ta' Bagan ġie stabbilit fl-aħħar tas-seklu 9.

Il-bliet-stati — ġew skavati ħames bliet kbar iffortifikati bis-swar u diversi rħula iżgħar — kollha kienu jinsabu fit-tliet reġjuni irrigati prinċipali tal-parti ta' fuq ta' Burma: il-wied tax-xmara Mu, il-pjanuri ta' Kyaukse u r-reġjun ta' Minbu, madwar il-konfluwenza tax-xmajjar Irrawaddy u Chindwin. It-territorju tal-Pyu kien parti minn rotta kummerċjali fuq l-art bejn iċ-Ċina u l-Indja, u gradwalment beda jikber lejn in-Nofsinhar. Halin, stabbilita fis-seklu 1 W.K. fit-tarf tat-Tramuntana tal-parti ta' fuq ta' Burma, kienet l-ikbar belt u l-iżjed waħda importanti sa madwar is-seklu 7 jew 8 meta ħaditilha postha Sri Ksetra (qrib Pyay) fit-tarf tan-Nofsinhar. Id-doppju tad-daqs ta' Halin, Sri Ksetra kienet l-ikbar ċentru tal-Pyu u l-iktar wieħed influwenti.

Il-kultura tal-Pyu ġiet influwenzata ferm mill-kummerċ mal-Indja, u ġie importat il-Buddiżmu kif ukoll kunċetti kulturali, arkitettoniċi u politiċi oħra, li kellhom influwenza dejjiema fuq il-kultura ta' Burma u fuq l-organizzazzjoni politika tal-pajjiż.[2] Il-kalendarju tal-Pyu, ibbażat fuq il-kalendarju Buddist, iktar 'il quddiem sar il-kalendarju Burmiż. Studju reċenti, għalkemm mhux aċċertat, jissuġġerixxi li l-kitba tal-Pyu, ibbażata fuq il-kitba Braħmina, jaf kienet is-sors tal-kitba Burmiża li tintuża biex tinkiteb il-lingwa Burmiża.[3]

Iċ-ċivilizzazzjoni ta' millenju sħiħ ikkrollat fis-seklu 9 meta l-bliet-stati nqerdu mill-invażjonijiet ripetuti mir-Renju ta' Nanzhao. Il-Burmiżi (Bamar) stabbilew belt-gwarniġjon f'Pagan (Bagan) fil-konfluwenza tax-xmajjar Irrawaddy u Chindwin. L-insedjamenti tal-Pyu baqgħu jeżistu fil-parti ta' fuq ta' Burma għal tliet sekli oħra iżda gradwalment il-Pyu ġew assorbiti fir-Renju ta' Bagan li kien qed jespandi. Il-lingwa tal-Pyu kienet għadha teżisti sal-aħħar tas-seklu 12. Sas-seklu 13, il-Pyu ġew assimilati fl-etniċità Burmiża. Il-ġrajjiet u l-leġġendi tal-Pyu ġew inkorporati wkoll ma' dawk tal-Burmiżi.

Huma biss il-bliet-stati ta' Halin, Beikthano u Sri Ksetra li tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, filwaqt li s-siti l-oħra jaf jiżdiedu fil-futur permezz ta' estensjoni tas-sit.[4]

Abbażi tal-evidenza arkeoloġika limitata, huwa maħsub li l-iżjed kulturi bikrin kienu jeżistu f'Burma saħansitra mill-11000 Q.K., l-iktar fiż-żona ċentrali niexfa qrib ix-xmara Irrawaddy. L-Anjatjan, jiġifieri Żmien il-Ħaġar ta' Burma, kien jeżisti għall-ħabta tal-istess żmien tal-eri Paleolitiċi inferjuri u nofsana fl-Ewropa. Minn tliet għerien qrib Taunggyi qabel l-Għoljiet ta' Shan instabu artefatti Neolitiċi li jmorru lura għall-10-6000 Q.K.[5]

Għall-ħabta tal-1500 Q.K., in-nies fir-reġjun bdew jikkonvertu r-ram fi bronż, ikabbru r-ross, u jiddomestikaw it-tiġieġ u l-ħnieżer; kienu fost l-ewwel nies fid-dinja li għamlu dan. Sal-500 Q.K., tfaċċaw insedjamenti li kienu jaħdmu l-ħadid f'żona fin-Nofsinhar ta' fejn attwalment hemm Mandalay. Ġew skavati twiebet imżejna tal-bronż u oqbra mimlija bċejjeċ tal-fuħħar.[6] L-evidenza arkeoloġika fil-wied tax-xmara Samon fin-Nofsinhar ta' Mandalay tissuġġerixxi li l-insedjamenti li kienu jkabbru r-ross kienu jagħmlu kummerċ maċ-Ċina bejn il-500 Q.K. u l-200 W.K.[7]

Għall-ħabta tas-seklu 2 Q.K., il-poplu Pyu li kien jitkellem bit-Tibetan u bil-Burmiż beda jidħol fil-wied tax-xmara Irrawaddy, minn fejn illum hemm Yunnan, permezz tax-xmajjar Taping u Shweli. Id-dar oriġinali tal-Pyu x'aktarx li kien il-Lag ta' Qinghai, li jinsab fil-provinċji attwali ta' Qinghai u ta' Gansu.[8] Il-poplu Pyu, l-iżjed abitanti bikrin ta' Burma li għandna rekords tagħhom, stabbilew insedjamenti fir-reġjun kollu tal-pjanuri ċċentrati fil-konfluwenza tax-xmajjar Irrawaddy u Chindwin, reġjun li ilu abitat mill-Paleolitiku.[9] It-territorju tal-Pyu kien itwal mill-wisa' tiegħu, u kien estiż minn Sri Ksetra fin-Nofsinhar sa Halin fit-Tramuntana, Binnaka u Maingmaw fil-Lvant u x'aktarx Ayadawkye fil-Punent. Ir-rapport nru 18 tad-dinastija Tang jirrapporta 18-il stat tal-Pyu, u disa' minnhom kienu bliet iffortifikati bis-swar, li kienu jkopru 298 distrett.[10]

Il-poplu Pyu kien l-iżjed poplu bikri fix-Xlokk tal-Asja li laqa' u adatta għall-kitba Indjana sabiex iżomm rekords tal-lingwa tonali tiegħu, u vvinta markaturi tonali. Il-poplu Pyu kien jikkondividi tip ta' urbaniżmu fuq firxa wiesgħa ta' skali. Il-Pyu kellhom spazji bil-ħitan b'naħa minnhom issiġillata minn tank tal-ilma jew tank barra mill-ħitan. Lejn l-aħħar tal-preistorja, il-Pyu insedjaw għal żmien pjuttost twil Beikthano fil-wied tax-xmara Yin, ferm iktar milli insedjaw Sri Ksetra fil-wied tax-xmara Nawin. Huma wrew il-ħiliet tagħhom ta' kontroll tal-ilma billi użaw sistemi ta' irrigazzjoni abbażi tal-għarfien tajjeb li kellhom tal-kundizzjonijiet f'kull lokalità u żona. Skont Stargardt fil-Ġurnal tal-Istudji tax-Xlokk tal-Asja, "From the Iron Age to early cities at Srikestra and Beikthano, Myanmar", l-arkeologi kollha sabu bosta kitbiet imnaqqxa bil-lingwa tal-Pyu f'Sri Kestra, f'Hanlin u qrib Pinle (Hmainmaw) u Bagan. Instabet evidenza ċara dwar il-mod kif kienu jgħixu n-nies bejn is-sekli 3-4 u 5-6 W.K u din intużat mill-istoriċi għan-nomina tat-tliet bliet antiki tal-Pyu sabiex jiddaħħlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Skont Stargardt, Sri Ksetra kien fiha għelieqi, kanali tal-irrigazzjoni, tankijiet tal-ilma u siti fejn kien jinħadem il-ħadid, kif ukoll monumenti, swieq (u żoni moħbija ta' abitazzjoni) kemm fi ħdan il-ħitan kif ukoll barra. Dawn kollha jipprovdu evidenza ta' sistema b'saħħitha ta' twemmin fil-provvista elaborata tal-mejtin. F'dak l-artiklu l-awtur iżid mar-riċerka tiegħu f'artikli oħra li ġew mistħarrġa disa' postijiet funebri mtarrġa 'l barra mill-ħitan tan-Nofsinhar tal-belt ta' Sri Ksetra, monumenti Buddisti antiki f'Beikthano u ċ-ċimiterju tar-reġina Panhtwar.[11]

Effettivament l-istħarriġiet arkeoloġiċi sa issa żvelaw 12-il belt iffortifikata bis-swar, fosthom ħames bliet kbar, u diversi insedjamenti iżgħar mhux iffortifikati, li jinsabu qrib l-iżjed reġjuni irrigati importanti ta' Burma prekolonjali jew ġo fihom: il-wied tax-xmara Mu fit-Tramuntana, il-pjanuri ta' Kyaukse fiċ-ċentru, u r-reġjun ta' Minbu fin-Nofsinhar u fil-Punent ta' dawn it-tnejn tal-aħħar.[12] Il-bliet-stati kienu kontemporanji tar-Renju ta' Funan (il-Kambodja) u x'aktarx ta' Champa (in-Nofsinhar tal-Vjetnam), ta' Dvaravati (it-Tajlandja), ta' Tambralinga u ta' Takuapa qrib l-Istmu ta' Kra, u ta' Srivijaya (ix-Xlokk ta' Sumatra, l-Indoneżja). Dawn l-istati żgħar ġew qabel il-wasla tar-"renju klassiċi" tax-Xlokk tal-Asja fit-tieni millenju W.K.[13]

Deklin tal-bliet-stati tal-Pyu

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Pyu kienu ċivilizzazzjoni tul bosta snin li damet b'kollox kważi millenju sal-bidu tas-seklu 9, sa meta grupp ġdid ta' "rikkieba veloċi taż-żwiemel" mit-Tramuntana, l-iMranma (Burmiżi) tar-Renju ta' Nanzhao rnexxielhom jidħlu fin-naħa ta' fuq tal-wied tax-xmara Irrawaddy permezz ta' sensiela ta' attakki. Skont il-kronaki tad-dinastija Tang, l-iMranma tar-Renju ta' Nanzhao bdew l-attakki tagħhom fin-naħa ta' fuq ta' Burma saħansitra mis-754 jew mis-760.[14] Sas-763, ir-re tar-Renju ta' Nanzhao Ko-lo-feng kien irnexxielu jaħkem in-naħa ta' fuq tal-wied tax-xmara Irrawaddy.[15] Dawn l-attakki intensifikaw fis-seklu 9, b'attakk fit-800-802 u mill-ġdid fit-808-809. Finalment, skont iċ-Ċiniżi, fit-832, il-ġellieda tar-Renju ta' Nanzhao ħakmu t-territorju tal-Pyu, u ħadu magħhom 3,000 priġunier tal-poplu Pyu minn Halin. Fit-835, ir-rekords taċ-Ċiniżi jsostnu li l-ġellieda tar-Renju ta' Nanzhao attakkaw stat ukoll, li ġeneralment uħud jidentifikaw bħala stat tal-Pyu, iżda dan mhux aċċettat b'mod universali.[16]

It-territorju tal-Pyu għall-ħabta tat-800 W.K., qabel l-iMranma.

Li hu ċert hu li l-Pyu u l-kultura tagħhom ma għebux sempliċement minħabba li 3,000 minnhom ittieħdu bħala priġunieri. Id-daqs tat-territorju tal-Pyu u l-bosta bliet iffortifikati tal-Pyu jindika popolazzjoni kbira ferm. Tabilħaqq, ma teżisti l-ebda indikazzjoni soda f'Sri Ksetra jew f'xi sit ieħor tal-Pyu li tissuġġerixxi li l-ħakma kienet waħda vjolenti. X'aktarx li dawn l-attakki dgħajfu lill-istati tal-Pyu b'mod sinifikanti, u ppermettew lill-Burmiżi jidħlu fit-territorji tal-Pyu.[17] L-evidenza turina li l-pass effettiv tal-migrazzjoni Burmiża fit-territorju tal-Pyu kien wieħed gradwali. Id-datazzjoni bir-radjokarbonju turina li l-attività tal-bniedem baqgħet teżisti sal-ħabta tat-870 f'Halin, li kienet soġġetta għal attakk mir-Renju ta' Nanzhao fit-832.[18] Il-kronaki Burmiżi jsostnu li l-Burmiżi stabbilew il-belt iffortifikata ta' Bagan fit-849 iżda l-eqdem radjokarbonju wassal għad-datazzjoni ta' evidenza fis-swar antiki ta' Bagan li tindika d-980 W.K. sal-1020 W.K., 24 sena qabel biss il-bidu tar-renju ta' Anawrahta, il-fundatur tal-Imperu ta' Bagan.[19]

Il-Burmiżi kienu ċertament ħadu t-tmun tat-territorju tal-Pyu f'idejhom sal-aħħar tas-seklu 10, u mbagħad stabbilew l-Imperu ta' Bagan lejn nofs is-seklu 11. B'hekk wasslu għall-unifikazzjoni tal-wied tax-xmara Irrawaddy u tal-periferija tiegħu għall-ewwel darba. Minkejja dan, il-Pyu kienu ħallew marka ċara fuq Bagan, u l-mexxejja ta' Bagan inkorporaw il-ġrajjiet u l-leġġendi tal-Pyu bħallikieku kienu tagħhom stess. Ir-rejiet Burmiżi ta' Bagan sostnew li kienu dixxendenti tar-rejiet ta' Sri Ksetra u ta' Tagaung saħansitra mit-850 Q.K. — xi ħaġa li ġiet irrifjutata mill-iżjed studjużi moderni. L-insedjamenti tal-Pyu baqgħu jeżistu fin-naħa ta' fuq ta' Burma għat-tliet sekli ta' wara iżda gradwalment il-Pyu ġew assorbiti fl-Imperu ta' Bagan u ġew assimilati fih. Il-lingwa tal-Pyu baqgħet teżisti sal-aħħar tas-seklu 12 iżda sas-seklu 13 il-Pyu kellhom etniċità Burmiża u għebu mill-istorja.[20]

Mit-12-il belt iffortifikata bis-swar li ġew skavati sa issa, ħamsa huma fdalijiet tal-ikbar stati tal-Pyu: Beikthano, Maingmaw, Binnaka, Halin u Sri Ksetra.

Beikthano (bil-Burmiż: ဗိဿနိုး [beɪʔθənó]) tinsab fir-reġjun irrigat ta' Minbu (qrib fejn illum il-ġurnata hemm Taungdwingyi) b'aċċess dirett mill-art għall-pjanuri irrigati sew ta' Kyaukse lejn il-Grigal, u hija l-eqdem sit urban li ġie skopert u skavat b'mod xjentifiku. Il-fdalijiet tas-sit — strutturi, bċejjeċ tal-fuħħar, artefatti u skeletri umani — imorru lura mill-200 Q.K. sal-100 W.K. Imsemmija għad-divinità Induista Vixnu, il-belt x'aktarx li kienet l-ewwel belt kapitali ta' stat x'aktarx kulturalment u saħansitra politikament uniformi fl-istorja ta' Burma. Kienet insedjament iffortifikat kbir ta' madwar 300 ettaru fi ħdan swar rettangolari (3 km × 1 km (1.86 mil × 0.62 mili)). Is-swar u l-fortifikazzjonijiet ta' madwarha kellhom ħxuna ta' sitt metri (20 pied) u ġew datati bir-radjukarbonju għal perjodu bejn il-180 Q.K. u s-610 W.K. Bħall-biċċa l-kbira tal-bliet sussegwenti, id-daħla prinċipali tal-ħitan kienet tagħti għall-palazz, li kien iħares lejn il-Lvant. Fi ħdan is-swar tal-belt ġew skavati wkoll pagodi u binjiet monastiċi.[21]

Maingmaw (bil-Burmiż: မိုင်းမော [máɪɰ̃ mɔ́]; magħrufa wkoll bħala Mong Mao u Mongamo), tinsab fir-reġjun ta' Kyaukse, u kellha għamla ċirkolari. Ġiet datata li tmur lura x'aktarx għall-ewwel millenju Q.K. Tissejjaħ ukoll Pinle għall-villaġġ li jinsab qrib is-sit modern tal-belt ta' Myittha. B'dijametru ta' 2.5 km (1.6 mil) u superfiċe ta' 222 ettaru, Maingmaw hija waħda mill-ikbar bliet antiki fil-pjanuri kollha ta' Kyaukse. Għandha żewġ settijiet ta' ħitan madwarha, wieħed ta' barra b'għamla kwadra u ieħor ta' ġewwa b'għamla ċirkolari. Il-pjanta ta' ċirku ġo kwadru tissuġġerixxi simbolu taż-żodjaku li jirrappreżenta viżjoni tas-smewwiet mill-perspettiva tax-xemx, li huwa l-mod kif il-belt ta' Mandalay ġiet kunċettwalizzata fis-seklu 19. Kważi eżatt lejn in-nofs tagħha, instab tempju tas-seklu 19 imsejjaħ Nandawya Paya, li x'aktarx inbena fuq il-fdalijiet ta' tempju iktar antik. Il-belt hija maqsuma fi tnejn minn kanal, li huwa maħsub li huwa kontemporanju għall-belt, għalkemm l-ebda datazzjoni xjentifika ma kkonfermat din id-datazzjoni. Mill-iskavi — l-ewwel skavi saru fl-1979 — ġew żvelati bosta artefatti, inkluż ġojjellerija, muniti tal-fidda u urni funebri. Bosta mill-artefatti bħall-muniti u l-urni funebri huma prattikament identiċi bħal dawk f'Beikthano u f'Binnaka.[22]

Binnaka (bil-Burmiż: ဘိန္နက [bèɪɰ̃nəka̰]) ukoll kienet tinsab fir-reġjun ta' Kyaukse, u prattikament hija kważi identika għall-belt ġara ta' Maingmaw b'diversi modi. L-istrutturi tal-brikks kellhom l-istess pjanta bħal dik ta' Beikthano u ta' bliet antiki oħra tal-Pyu. Mill-iskavi ġew irkuprati artefatti pre-Buddisti, ġiżirajjen tad-deheb, xbihat prezzjużi tal-ġebel ta' iljunfanti, fkieren tal-ilma u ljuni, bċejjeċ tal-fuħħar distintivi tal-Pyu, tavli tat-terrakotta b'kitba simili ħafna għall-kitba tal-Pyu, u diversi tipi ta' żibeġ tal-oniċi mnaqqxa bl-aċtu, flimkien ma' żibeġ tal-ambra u tal-ġada. Ġew skavati wkoll muniti tal-fidda identiċi bħal dawk li nstabu f'Beikthano u f'Binnaka, forom tal-ġebel għall-iffundar ta' fjuri ornamentali tal-fidda u tad-deheb, brazzuletta tad-deheb u skutella tal-fidda b'kitba tal-Pyu fuqha, u urni funebri prattikament identiċi bħal dawk li nstabu f'Beikthano u f'Binnaka.

Kemm Maingmaw kif ukoll Binnaka jaf kienu kontemporanji ta' Beikthano. Il-kronaki, li ma jsemmux lil Beikthano, isemmu minflok iż-żewġ bliet l-oħra, għalkemm mhux speċifikament bħala bliet tal-Pyu. Il-kronaki jiddikjaraw li l-mexxej ta' Binnaka kien responsabbli għall-waqgħa ta' Tagaung, il-belt identifikata mill-kronaki bħala l-belt fejn kienu jgħixu oriġinarjament il-kelliema Burmiżi. Binnaka kienet abitata sa madwar is-seklu 19, skont sittan (rekord) tal-weraq tal-palm tal-era ta' Konbaung li ġie skopert hemmhekk.[23]

Halin.

Halin jew Halingyi (bil-Burmiż: ဟန်လင်းကြီး [həlɪ́ɰ̃dʑí]), li tinsab fil-wied ta' Mu, wieħed mill-ikbar reġjuni irrigati ta' Burma prekolonjali, hija l-iżjed belt tal-Pyu fit-Tramuntana li ġiet skoperta sa issa. L-iktar artefatti bikrin ta' Halin — id-daħliet tal-injam tal-belt — ġew datati bir-radjokarbonju għas-70 W.K. Il-belt kienet rettangolari iżda b'irkejjen ġejjin għat-tond, u b'ħitan tal-brikks. Il-ħitan skavati huma twal madwar 3.2 km (2.0 mili) tul l-assi mit-Tramuntana għan-Nofsinhar u 1.6 km (0.99 mili) tul l-assi mil-Lvant għall-Punent. B'superfiċe ta' 664 ettaru, id-daqs tal-belt kien kważi d-doppju tad-daqs ta' Beikthano. Għandha erba' daħliet prinċipali fil-punti kardinali, u 12-il daħla b'kollox, abbażi tas-simboli taż-żodjaku. Xmara jew kanal kienu jgħaddu minn ġo nofs il-belt. Jeżistu traċċi ta' ħandaq fin-naħat kollha għajr fin-Nofsinhar, fejn x'aktarx ma kinitx meħtieġa, peress li hemmhekk inħolqot diga fl-art għall-ġibjuni.

Dan id-disinn tal-belt influwenza l-ippjanar tal-bliet Burmiżi ta' wara u tal-belt ta' Sukhothai tas-Siam. Pereżempju, l-għadd ta' daħliet u l-konfigurazzjoni tal-belt kienu ripetuti fil-bliet kapitali Burmiżi sussegwenti, fosthom Bagan tas-seklu 11 u Mandalay tas-seklu 19. Il-konfigurazzjoni tal-belt instabet ukoll fi bliet kontemporanji oħra bħal Maingmaw u Beikthano fit-territorju tal-Pyu u Danyawaddy u Wethali f'Arakan, kif ukoll bliet oħra li ġew wara bħal Sukhothai, li tfaċċat iktar minn millenju wara. Il-fdalijiet strutturali tat-tempji f'Halin juru li d-disinn tat-tempji tal-belt influwenza t-tempji tas-sekli 11 sa 13 f'Bagan. L-artefatti skavati jindikaw li l-kitba tal-Pyu ta' Halin kienet l-iktar kitba bikrija fit-territorju tal-Pyu (u f'Burma). Kienet ibbażat fuq verżjoni iktar bikrija tal-kitba Braħmina (Mauryan u Guptan). Il-kitbiet imnaqqxa f'Sri Ksetra juru verżjoni ta' iktar 'il quddiem tal-istess kitba.[24]

Magħrufa għall-produzzjoni tal-melħ, materja prima preġjata ħafna fl-ewwel millenju, Halin ħaditilha postha Sri Ksetra bħala l-belt-stat ewlenija tal-Pyu għall-ħabta tas-seklu 7. Mill-ġrajjiet Ċiniżi, joħroġ ċar li Halin baqgħet ċentru importanti tal-Pyu sas-seklu 9 meta t-territorju tal-Pyu ġie attakkat bosta drabi mir-Renju ta' Nanzhao. Il-ġrajjiet Ċiniżi jiddikjaraw li l-belt inqerdet mill-ġellieda tar-Renju ta' Nanzhao fit-832 W.K., u 3,000 abitant ittieħdu bħala priġunieri. Madankollu, id-datazzjoni tar-radjokarbonju żvelat attività umana sal-ħabta tat-870 W.K., kważi erba' deċennji wara li l-belt jingħad li nsterqet.

Il-Pagoda ta' Bawbawgyi f'Sri Ksetra; prototip tal-pagodi tal-era ta' Bagan.

Sri Ksetra jew Thaye Khittaya (bil-Burmiż: သရေခေတ္တရာ [θəjè kʰɪʔtəjà]; litteralment, "Għalqa tax-Xorti"[25] jew "Għalqa tal-Glorja"), tinsab 8 km (5.0 mili) fix-Xlokk ta' Prome (Pyay) fil-villaġġ attwali ta' Hmawza[26], u kienet l-aħħar belt kapitali tal-Pyu u l-iktar waħda fin-Nofsinhar. Il-belt ġiet stabbilita bejn is-sekli 5 u 7, għalkemm dan l-aħħar matul żewġ skavi li saru minn Jannar sa Frar 2015 u minn Diċembru 2015 sa Frar 2016, immexxija minn Janice Stargardt fit-tumbata tat-tajn ta' Yahanda f'Sri Ksetra, instabu bċejjeċ b'motivi Buddisti imbuzzati, li jmorru lura għall-ħabta tat-340-330 W.K., kif ukoll kremazzjonijiet tal-kultura tal-Pyu tal-ħabta tal-270-230 W.K.[27] Sri Ksetra x'aktarx li ħadet post Halin bħala l-belt ewlenija tal-Pyu sas-seklu 7 jew 8, u baqgħet b'dak l-istatus sal-wasla tal-iMramna fis-seklu 9. Il-belt kienet tospita mill-inqas żewġ dinastiji u forsi tlieta. L-ewwel dinastija, imsejħa d-dinastija ta' Vikrama, jingħad li nediet il-kalendarju tal-Pyu, li iktar 'il quddiem sar il-kalendarju Burmiż fit-22 ta' Marzu 638. It-tieni dinastija ġiet stabbilita mir-Re Duttabaung fil-25 ta' Marzu 739 (il-11-il felli tal-qamar ta' Tagu fil-101 ME).[28]

Sri Ksetra hija l-ikbar belt antika tal-Pyu li ġiet skoperta sa issa. Għalissa Beikthano u Sri Ksetra ġew skavati b'mod estensiv. Bliet antiki importanti oħra tal-Pyu bħal Maingmaw u Binnaka jistgħu jiżvelaw iktar artefatti b'iktar skavi estensivi. Kienet tokkupa superfiċe ikbar minn dik ta' Bagan tas-seklu 11 jew ta' Mandalay tas-seklu 19. Id-disinn tal-belt kien ċirkolari, b'ċirkomferenza ta' iktar minn 13-il kilometru (8.1 mili) b'raġġ ta' tliet kilometri sa erba' kilometri, jew madwar 1,400 ettaru ta' art okkupata. Il-ħitan tal-brikks tal-belt kienu għoljin 4.5 metri (15-il pied), u kien hemm 12-il daħla b'devas (divinitajiet) enormi għassa magħhom kif ukoll pagoda f'kull rokna.

Il-belt għandha wkoll daħliet ġejjin għat-tond, bħal dawk li nstabu f'Halin u f'Beikthano. Fiċ-ċentru tal-belt l-istudjużi jaħsbu li kien hemm palazz rettangolari ta' 518-il metru bi 343 metru (1,699 pied × 1,125 pied), li jissimbolizza mandala u zata (oroskopju), bħal f'Maingmaw. Il-palazz, il-monasteri u d-djar kienu jokkupaw nofs il-belt fin-Nofsinhar; in-nofs l-ieħor fit-Tramuntana kien jikkonsisti minn għelieqi tar-ross. Flimkien mal-ħniedaq u mas-swar, dan l-arranġament kien jiżgura li l-belt setgħet tiflaħ għal assedju twil mill-għadu.[29]

Sri Ksetra.

Sri Ksetra kienet belt importanti f'salib it-toroq bejn iċ-Ċina u l-Indja. Kienet tinsab max-xmara Irrawaddy, mhux 'il bogħod mill-baħar peress li d-delta tal-Irrawaddy ma kinitx għadha ffurmat. Il-bastimenti mill-Oċean Indjan setgħu jaslu sa Prome biex jagħmlu kummerċ mat-territorju tal-Pyu u maċ-Ċina. Il-kummerċ mal-Indja ġab miegħu kuntatti kulturali fondi ħafna. Sri Ksetra żvelat l-iżjed fdalijiet estensivi tal-Buddiżmu Theravada. L-arti reliġjuża tissuġġerixxi diversi okkupazzjonijiet distinti b'influwenzi iktar bikrin mix-Xlokk tal-Indja u influwenzi iktar 'il quddiem mil-Lbiċ tal-Indja, flimkien ma' influwenzi tas-seklu 9 mir-Renju ta' Nanzhao. Il-biċċa l-kbira tal-kronaki Ċiniżi kienu jirreferu l-iktar għall-istati tal-Pyu permezz ta' Sri Ksetra. Il-pellegrini Ċiniżi Xuanzang fis-648 u Yijing fis-675 semmew lil Sri Ksetra fir-rakkonti tagħhom tar-renji Buddisti tax-Xlokk tal-Asja. Il-kronaki tad-dinastija Tang isemmu l-wasla fil-qorti ta' ambaxxata mill-belt kapitali tal-Pyu fit-801.[30]

Insedjamenti iżgħar

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Istorja l-Ġdida tal-istati tad-dinastija Tang tirrakkonta li r-renju ta' Mi-ch'en bagħat ambaxxata lejn iċ-Ċina fit-805, u ġie attakkat mir-Renju ta' Nanchao fit-835.[31]

Tagaung huwa sit żgħir tal-Pyu iżda kien sinifikanti politikament (bil-Burmiż: တကောင်း [dəɡáʊɰ̃]) fit-Tramuntana ta' Burma (madwar 200 km fit-Tramuntana ta' Mandalay) fejn ġew skavati artefatti tal-Pyu, fosthom urni funebri. Il-bċejjeċ tal-fuħħar ta' Tagaung għandhom daqs simili u nstabu f'raggruppamenti simili bħal reċipjenti oħra tal-Pyu, iżda mill-bqija huma ferm differenti minn dawk li nstabu fin-Nofsinhar. Dan x'aktarx li jindika grad ta' influwenza minn sorsi oħra jew inkella differenza ċara meta mqabbla mal-kultura ċentrali tal-Pyu.[32] L-importanza ta' Tagaung hija dovuta għall-fatt li l-kronaki Burmiżi jidentifikawha bħala l-belt li kienet tospita l-ewwel renju Burmiż. Apparti minn Beikthano u Sri Ksetra, fil-biċċa l-kbira tas-siti tal-Pyu għad ma sarux skavi estensivi u f'xi każijiet ma saru l-ebda skavi.[33]

Il-belt il-mitlufa deskritta bħala Pinle Pyu (litteralment "Baħar tal-Pyu") ġiet irreġistrata bħala li kienet tinsab qrib il-baħar. Għad-differenza ta' bosta siti żgħar oħra tal-Pyu, ġie spekulat li l-belt kienet kbira bħala daqs u kienet tinsab iktar 'l isfel minn Sri Ksetra. Xi arkeologi jemmnu li l-fdalijiet qrib Ingapu, fir-reġjun ta' Ayeyarwady, jaf huma ta' Pinle Pyu. Il-kumpless kien juża l-kitba Braħmina u dan jindika l-età potenzjali tiegħu.[34] Madankollu, hemm bżonn iktar evidenza u investigazzjoni biex jiġu analizzati l-artefatti antiki li nstabu fis-sit.[35] Sejbiet minn sit ieħor fil-qrib jinkludu għodod Paleolitiċi u impronti fossilizzati, u dawn jindikaw li ż-żona kumplessiva kollha jaf kienet iktar antika minn dik ta' siti oħra tal-Pyu.[36]

Bosta insedjamenti tal-Pyu nstabu tul in-naħa ta' fuq ta' Burma fid-distrett ta' Myinmu, qrib il-bokka tax-xmara Mu. Sit notevoli partikolari huwa Ayadawkye Ywa fil-wied ta' Mu fil-Punent ta' Halin jinsab fin-Nofsinhar ta' sit ieħor li ġie skopert dan l-aħħar ta' Żmien il-Bronż imsejjaħ Nyaunggan. Iktar fin-Nofsinhar fid-distrett ta' Myingyan, fil-Punent ta' Maingmaw, fis-sit ta' Wati (jew Wa Tee) instabu fdalijiet ta' belt iffortifikata ċirkolari.[37]

Fin-naħa t'isfel ta' Burma nstabu wkoll insedjamenti tal-Pyu li jaf ġew injorati mir-rakkonti storiċi li kienu immirati lejn il-leġittimizzazzjoni tan-nisel tar-rejiet tan-naħa ta' fuq ta' Burma. Is-sit ta' Sagara (Thagara) f'Dawei huwa wieħed minn dawn is-siti u jista' jitqabbel mas-sit ta' Tagaung. Minn skavi arkeoloġiċi fl-2001 instabu diversi artefatti, fosthom urni tat-terrakotta fl-għelieqi tar-ross fix-Xlokk tas-sit iffortifikat. Qrib Sagara, mis-sit ta' Mokti nstabu artefatti simili oħra. Il-pagoda f'Sagara u t-tavli bid-dediki li nstabu fis-sit ta' Mokti jitqiesu li fihom bosta karatteristiċi kulturali tal-Pyu, iżda artefatti oħra juru evidenza ta' bosta influwenzi kulturali.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Bliet Antiki tal-Pyu ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2014.[4]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[4]

L-ekonomija tal-bliet antiki tal-Pyu kienet ibbażata fuq l-agrikoltura u l-kummerċ. L-insedjamenti importanti kollha tal-Pyu kienu jinsabu fit-tliet reġjuni irrigati prinċipali tan-naħa ta' fuq ta' Burma, iċċentrati mal-konfluwenza tax-xmajjar Irrawaddy u Chindwin: Halin fil-wied ta' Mu, Maingmaw u Binnaka fil-pjanuri ta' Kyaukse, u finalment Beikthano u Sri Ksetra fid-distrett ta' Minbu jew fil-qrib tiegħu. Il-proġetti tal-irrigazzjoni tal-Pyu iktar 'il quddiem komplew jieħdu ħsiebhom il-Burmiżi. Ir-Re Anawrahta ta' Bagan bena proġetti tal-irrigazzjoni f'dawn it-tliet reġjuni fis-snin 50 tas-seklu 11 sabiex jikkonvertihom fl-iktar imħażen prinċipali tar-ross fin-naħa ta' fuq ta' Burma. B'hekk in-naħa ta' fuq ta' Burma kisbet bażi ekonomika dejjiema u permezz tagħha kienet dominanti fil-wied tax-xmara Irrawaddy u fil-periferija tagħha fis-sekli ta' wara.[38] Il-Pyu kienu jkabbru r-ross, x'aktarx tal-varjetà Japonica.[39]

It-territorju tal-Pyu kien ċentru kummerċjali importanti bejn iċ-Ċina u l-Indja fl-ewwel millenju W.K. Minn ġo nofs l-istati tal-Pyu kienu jgħaddu żewġ rotot kummerċjali prinċipali. Saħansitra mill-128 Q.K., kienet teżisti rotta kummerċjali mill-art bejn iċ-Ċina u l-Indja minn naħa għall-oħra tat-Tramuntana ta' Burma. Ambaxxata mill-Imperu Ruman saċ-Ċina għaddiet minn din ir-rotta fis-97 W.K. u mill-ġdid fil-120 W.K.[40] Iżda l-maġġoranza tal-kummerċ kien isir bil-baħar mill-istat tal-Pyu fin-Nofsinhar, li dak iż-żmien ma kinux jinsabu wisq 'il bogħod mill-baħar. Dan għaliex il-biċċa l-kbira tad-delta tax-xmara Irrawaddy kienet għadha ma ffurmatx, u saħansitra 'l isfel nett bħall-irħula kostali tan-naħa ta' fuq ta' Tenasserim fosthom Winga, Hsindat-Myindat, Sanpannagon u Mudon instabu artefatti tal-Pyu. Madankollu, wieħed ma jistax isostni fiċ-ċert li l-Pyu kellhom il-kontroll amministrattiv u militari fuq dawn l-irħula kostali tan-naħa ta' fuq ta' Tenasserim. Il-portijiet kienu jikkollegaw ir-rotta kummerċjali mill-art lejn iċ-Ċina permezz ta' dik li llum il-ġurnata hija magħrufa bħala Yunnan.[41]

Iż-żona kummerċjali tal-istati tal-Pyu kienet tkopri x-Xlokk tal-Asja, in-Nofsinhar tal-Asja u ċ-Ċina. F'Beikthano nstabu artefatti mis-seklu 2 li ġew mill-Majjistral tal-Indja sa Ġava u l-Filippini. Bl-istess mod, instabu artefatti tal-Pyu tul il-kosti ta' Arakan fin-naħa t'isfel ta' Burma, u saħansitra tant fil-Lvant sa Óc Eo (illum il-ġurnata fin-Nofsinhar tal-Vjetnam.[42] Il-Pyu kellhom relazzjonijiet kummerċjali u diplomatiċi maċ-Ċina. Fit-800 u fit-801-802, Sri Ksetra bagħtet ambaxxata formali, flimkien ma' 35 mużiċist lejn il-qorti tad-dinastija Tang. Skont iċ-Ċiniżi, il-Pyu kienu jużaw muniti tad-deheb u tal-fidda, iżda nstabu biss muniti tal-fidda minn dak iż-żmien.[43]

Karatteristika notevoli tal-istati tal-Pyu hija l-izzekkar u l-użu ta' muniti tal-fidda. Dawn il-muniti oriġinaw mill-inħawi ta' Pegu u jmorru lura għas-seklu 5. Dawn kienu mudell għall-biċċa l-kbira tal-muniti tal-ewwel millenju fl-art kontinentali tax-Xlokk tal-Asja. L-iżjed tip bikri ta' dawn il-muniti ma kellux kitba fuqu u minflok kellu bronja fuq naħa u Srivatsa fuq in-naħa l-oħra. Bosta mill-muniti kellhom toqba żgħira tul il-perimetru, u jaf intużaw ukoll bħala amuleti. B'mod notevoli, wara li l-użu tal-muniti waqaf għalkollox fl-aħħar ta' żmien il-Pyu lejn tmiem is-seklu 9, ma reġgħux intużaw muniti fir-renji Burmiżi qabel is-seklu 19.[17]

Statwa ta' Avalokiteśvara bi fjura tal-lotus f'idejha. Bihar, is-seklu 9 W.K. Il-Pyu kienu jsegwu taħlita ta' tradizzjonijiet reliġjużi.

Il-kultura tal-bliet-stati tal-Pyu kienet influwenzata ferm mill-Indja. Il-kultura Indjana kienet viżibbli l-iktar fin-Nofsinhar tat-territorju tal-Pyu fejn kien isir il-biċċa l-kbira tal-kummerċ mal-Indja bil-baħar. L-ismijiet tal-bliet l-iktar fin-Nofsinhar oriġinaw mill-Pali jew mis-Sanskritu bħal Sri Ksetra (Thaye Khittaya) u Vixnu (Beikthano). Ir-rejiet ta' Sri Ksetra kienu jsejħu lilhom infushom Varmani u Varma. Dan ma kienx fenomenu tan-Nofsinhar biss. B'modi differenti, il-bliet u l-irħula tal-Pyu fit-Tramuntana ġew influwenzati wkoll mill-kultura Indjana. Il-kronaki Burmiżi jsostnu li r-rejiet fundaturi ta' Tagaung kienu dixxendenti saħansitra tal-klan tas-Sakya tal-Buddha nnifsu.[44][45]

Sas-seklu 4, il-biċċa l-kbira tal-Pyu kienu saru kważi kollha Buddisti, għalkemm minn sejbiet arkeoloġiċi nafu li l-prattiki pre-Buddisti tagħhom baqgħu prevalenti ferm fis-sekli ta' wara wkoll. Skont it-testi skavati, kif ukoll skont rekords Ċiniżi, ir-reliġjon predominanti tal-Pyu kienet il-Buddiżmu Theravada. L-iskola Theravada prevalenti fit-territorju tal-Pyu x'aktarx li oriġinat mir-reġjun ta' Andhra fix-Xlokk tal-Indja, li kienet assoċjata mal-istudjuż famuż tal-Buddiżmu Theravada, Buddhagosa. Din l-iskola baqgħet predominanti f'Burma sal-aħħar tas-seklu 12 meta Shin Uttarajiva mexxa l-allinjament mill-ġdid mal-iskola Mahavihara ta' Sri Lanka (li dak iż-żmien kienet Ceylon).[46]

Is-sejbiet arkeoloġiċi jindikaw ukoll preżenza mifruxa ta' Buddiżmu Tantriku, Buddiżmu Mahayana u Induiżmu. Avalokiteśvara (Lokanatha) (imsejjaħ Lawkanat bil-Burmiż; လောကနတ် [lɔ́ka̰ naʔ]), Tara, Buddhi Manusi, Vaiśravaṇa u Hayagriva, kollha prominenti fil-Buddiżmu Mahayana, kienu preżenti sew fix-xena ikonografika tal-Pyu (u iktar 'il quddiem f'Bagan). Instabu diversi ikoni Braħmini Induisti li jvarjaw mit-trinità Induista, Braħma, Vixnu u Xiva, sa Garuda u Lakxmi, speċjalment fin-naħa t'isfel ta' Burma.

Prattiki mhux tal-Buddiżmu Theravada bħas-sagrifiċċji ċerimonjali tal-bhejjem u l-konsum tal-alkoħol kienu preżenti wkoll fil-ħajja tal-Pyu. Bl-istess mod, il-prominenza akbar ta' sorijiet u ta' studenti femminili iktar milli f'eri iżjed 'il quddiem jaf tindika kunċetti pre-Buddisti tal-awtonomija femminili.[47] Fit-taħlita tal-prattiki pre-Buddisti ma' dawk Buddisti, il-Pyu kienu jpoġġu l-fdalijiet tal-mejtin kremati tagħhom f'urni tal-fuħħar u tal-ġebel u kienu jidfnuhom fi stupi iżolati jew ħdejhom; prattika li hija konsistenti mal-prattiki Buddisti bikrin tad-dfin tal-fdalijiet ta' persuni sagri fl-istupi.[48]

Għalkemm it-twemmin reliġjuż tagħhom kien taħlita sinkretika minn bosta sfondi, x'aktarx bħal fil-perjodu bikri ta' Bagan, il-prospettiva tal-Pyu jingħad li kienet pjuttost paċifika. Ir-rekords Ċiniżi tad-dinastija Tang jiddeskrivu l-Pyu bħala poplu uman u paċifiku li prattikament ma kien għadda minn l-ebda gwerra u li kien jilbes qoton qisu ħarir milli ħarir ta' veru sabiex ma kienx ikollhom għalfejn joqtlu d-dud tal-ħarir. Barra minn hekk, jiddeskrivu li bosta subien Pyu kienu jidħlu għall-ħajja monastika meta kien ikollhom bejn seba' snin u 20 sena. Din id-deskrizzjoni paċifika miċ-Ċiniżi kienet stampa ġenerali tat-territorji tal-Pyu u jaf ma tirrappreżentax il-ħajja inġenerali fil-bliet-stati kollha tal-Pyu.[49]

Il-kitba ta' Myazedi tal-ħabta tal-1112-1113 li nstabet fit-territorju tal-Pyu.

Lingwa u kitba

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-lingwa tal-Pyu kienet lingwa Tibetana-Burmiża relatata mal-Burmiż Antik. Madankollu, milli jidher kienet teżisti flimkien mas-Sanskritu u mal-Pali bħala lingwa tal-qorti. Ir-rekords Ċiniżi jiddikjaraw li l-35 mużiċist li akkumpanjaw l-ambaxxata tal-Pyu għand il-qorti tad-dinastija Tang fit-800-802 kienu jdoqqu l-mużika u kienu jkantaw bil-lingwa Fan (Sanskritu). Ħafna mill-kitbiet importanti nkitbu bis-Sanskritu u/jew bil-Pali, flimkien mal-kitba tal-Pyu. Minn studju reċenti, li għadu ma ġiex konkluż, ġie suġġerit li l-kitba tal-Pyu, ibbażata fuq il-kitba Braħmina, jaf kienet is-sors tal-kitba Burmiża użata għal-lingwa Burmiża. Fis-siti tal-Pyu nstabu firxa wiesgħa ta' kitbiet Indjani mill-editti tar-Re Ashoka miktuba bil-Braħmini tat-Tramuntana tal-Indja u bil-Braħmini Tamil, it-tnejn li huma li jmorru lura għas-sekli 3 u 2 Q.K., kif ukoll kitbiet bil-Gupta u bil-Kannada li jmorru lura għas-sekli 4 sa 6 W.K.[50][51]

Minbarra r-reliġjon, il-Pyu importaw ukoll l-għarfien espert fix-xjenza u fl-astronomija mill-Indja. Ir-rekords Ċiniżi jirrapportaw ukoll li l-Pyu kienu jafu kif jagħmlu kalkoli astronomiċi. Il-kalendarju tal-Pyu kien ibbażat fuq il-kalendarju Buddist. Kienu jintużaw żewġ eri. L-ewwel waħda kienet l-Era tas-Sakra, li ġiet adottat fit-territorju tal-Pyu fit-80 W.K., sentejn biss wara li l-era l-ġdida bdiet tintuża fl-Indja. It-tieni kalendarju ġie adottat f'Sri Ksetra fis-638, minflok l-Era tas-Sakra. L-ewwel jum tal-kalendarju kien it-22 ta' Marzu 638. Dan il-kalendarju iktar 'il quddiem sar il-kalendarju Burmiż u għadu jintuża sa llum il-ġurnata fil-Myanmar. L-eżistenza ta' żewġ kalendarji tal-Pyu wasslet għal dibattitu fost l-istudjużi huma u jippruvaw jinterpretaw id-dati tas-sejbiet fis-siti.[52]

Strutturi tal-irrigazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-prattiki arkitettoniċi tal-Pyu influwenzaw ferm l-arkitettura ta' Bagan u Burmiża li ġiet wara. It-tekniki tal-bini ta' digi, ta' kanali u ta' mgħalaq li nstabu fin-naħa ta' fuq ta' Burma prekolonjali jmorru lura għall-perjodu tal-bliet antiki tal-Pyu u ta' Bagan. X'aktarx li l-Burmiżi introduċew metodi ġodda tal-immaniġġjar tal-ilma, speċjalment tekniki tal-bini ta' kanali li mbagħad saru l-metodu prevalenti ta' irrigazzjoni fi żmien Bagan.[38]

Ippjanar tal-bliet

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-pjanti tal-bliet antiki tal-Pyu, li kienu jikkonsistu minn kwadri/rettangoli u ċrieki, kienu taħlita ta' disinni indiġeni u Indjani. Huwa maħsub li l-għamliet ċirkolari fi ħdan il-bliet antiki kienu xogħol il-Pyu, filwaqt li l-għamliet rettangolari jew kwadri tal-ħitan esterni u l-użu ta' 12-il daħla kellhom oriġini Indjana. Skont l-istoriku Cooler, "l-adozzjoni ta' kunċetti Indjani tal-ippjanar tal-bliet kienet tinkorpora twemmin fl-effikaċja tal-assi tad-dinja li tikkollega l-iżjed punt ċentrali f'belt mibnija bħala mandala mal-belt tas-smewwiet (il-ġenna Tavatimsa) sabiex tiġi żgurata l-prosperità fir-renju dinji". Dawn il-prattiki tal-ippjanar tal-bliet antiki tal-Pyu kienu l-prekursuri tad-disinni tal-bliet u tal-palazzi Burmiżi sa Mandalay fis-seklu 19.[53]

Disinn tat-tempji

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Pagoda ta' Shwezigon (li nbniet fis-seklu 11) f'Bagan, ibbażata fuq disinn iktar bikri tal-Pyu.

Mis-seklu 4 'l quddiem, il-Pyu bnew bosta stupi Buddisti u binjiet reliġjużi oħra. L-istili, il-pjanti, u saħansitra d-daqs tal-brikks u t-tekniki tal-kostruzzjoni ta' dawn il-binjiet jindikaw oriġini mir-reġjun ta' Andhra, b'mod partikolari Amaravati u Nagarjunakonda fix-Xlokk tal-Indja attwali. Hemm xi evidenza ta' kuntatt ma' Sri Lanka permezz tal-preżenza ta' ħaġriet semiprezzjużi tal-istil ta' Anuradhapura li ġew skoperti f'Beikthano u f'Halin. X'aktarx sas-seklu 7, tfaċċaw stupi ċilindriċi twal bħal dawk ta' Bawbawgyi, Payagyi u Payama f'Sri Ksetra.[53]

L-arkitettura tal-Pyu influwenzat ferm id-disinni tat-tempji Buddisti Burmiżi. Pereżempju, it-tempji f'Sri Ksetra bħal Bebe u Lemyethna kienu prototipi għat-tempji vojta minn ġewwa (gu) li nbnew wara f'Bagan. Il-pjanta tal-Monasteru ta' Somingyi tas-seklu 13 f'Bagan kienet fil-biċċa l-kbira tagħha identika għal dik tal-monasteru tas-seklu 4 f'Beikthano. L-istupi solidi ta' Sri Ksetra mbagħad kienu prototipi għall-istupi simili f'Bagan bħal Shwezigon, Shwehsandaw u Mingalazedi, u fl-aħħar mill-aħar f'Yangon ukoll, bħal Shwedagon.[53]

Il-bliet-stati kienu popolati l-iktar minn poplu li kien jitkellem il-lingwa Tibetana-Burmiża tal-Pyu, li bħall-kuġini Burmiżi, x'aktarx li oriġinaw mill-provinċji attwali ta' Qinghai u ta' Gansu fit-Tramuntana u fiċ-ċentru taċ-Ċina, permezz ta' Yunnan.[54] Kummerċ barrani estensiv attira komunitajiet imdaqsin ta' Indjani u l-Mon, speċjalment fin-Nofsinhar. Fit-Tramuntana, għadd ta' Burmiżi jaf daħlu fit-territorju tal-Pyu minn Yunnan saħansitra mis-seklu 7. Madankollu, studjużi moderni jsostnu li l-Burmiżi ma waslux b'numri kbar qabel nofs jew l-aħħar tas-seklu 9, u x'aktarx saħansitra mhux qabel is-seklu 10, skont id-datazzjoni tar-radjokarbonju tal-ħitan ta' Bagan.

Id-daqs tal-popolazzjoni tat-territorju tal-Pyu x'aktarx li kienet tlaħħaq xi ftit mijiet ta' eluf, meta wieħed iqis li Burma fis-sekli 17 u 18 kellha popolazzjoni ta' madwar żewġ miljun ruħ.[55]

Amministrazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

L-insedjamenti tal-Pyu kienu mmexxija minn kapijiet indipendenti. Il-kapijiet fil-bliet-stati l-kbar iktar 'il quddiem sejħu lilhom infushom rejiet, u stabbilew qrati mmudellati l-iktar skont il-kunċetti Indjani (Induisti) tal-monarkija. Ma ġewx adottati għalkollox il-kunċetti Induisti kollha, pereżempju tad-divinità tar-rejiet, minħabba l-preżenza tal-Buddiżmu Theravada. Mhuwiex ċar jekk kinitx teżisti relazzjoni bejn il-vassalli tal-irħula ż-żgħar u r-rejiet tal-bliet-stati l-kbar. Il-kronaki Burmiżi jsemmu li kien hemm alleanzi bejn l-istati, bħal dik bejn Beikthano u Sri Ksetra. Fil-biċċa l-kbira, kull belt-stat tal-Pyu kellha l-kontroll awtonomu tagħha stess.[56]

Id-daqs kbir tal-bliet antiki tal-Pyu (bejn 660 u 1,400 ettaru) meta mqabbel ma' Bagan (140 ettaru biss) jissuġġerixxi li l-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni kienet tirresjedi fi ħdan il-ħitan, kif ikkonfermat mir-rekords Ċiniżi. Mill-iskavi arkeoloġiċi f'Bagan ħarġu artefatti tal-Pyu f'għadd ta' insedjamenti li jmorru lura għall-ewwel millenju, sa bejn wieħed u ieħor l-1100 W.K., meta huwa evidenti li kien hemm bidla lejn stat mimli monumenti u diffuż lil hinn mill-konfini tal-ħitan tal-bliet antiki.[57]

Status attwali tas-sejbiet

[immodifika | immodifika s-sors]

Apparti Sri Ksetra u Beikthano, il-kumplament tas-siti tal-Pyu għadhom ma ġewx skavati b'mod estensiv. Ir-responsabbiltà tal-amministrazzjoni tas-siti hija tad-Dipartiment tal-Arkeoloġija tal-Ministeru għall-Kultura ta' Burma. F'Novembru 2011, id-Dipartiment kien qed jippjana l-bini ta' mużew f'Sri Ksetra, u ħadem mal-UNESCO biex Sri Ksetra, Beikthano u Halin jiġu rikonoxxuti bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2014.[4][26]

Biblijografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Aung-Thwin, Michael (1996). "Kingdom of Pagan". In Gillian Cribbs (ed.). Myanmar Land of the Spirits. Guernsey: Co & Bear Productions. ISBN 978-0-9527665-0-6.
  • Aung-Thwin, Michael (2005). The mists of Rāmañña: The Legend that was Lower Burma (illustrated ed.). Honolulu: University of Hawai'i Press. ISBN 9780824828868.
  • Charney, Michael W. (2006). Powerful Learning: Buddhist Literati and the Throne in Burma's Last Dynasty, 1752–1885. Ann Arbor: l-Università ta' Michigan.
  • Cooler, Richard M. (2002). "The Art and Culture of Burma". L-Università tat-Tramuntana ta' Illinois.
  • Hall, D.G.E. (1960). Burma (it-tielet edizzjoni). Hutchinson University Library. ISBN 978-1-4067-3503-1.
  • Harvey, G. E. (1925). History of Burma: From the Earliest Times to 10 March 1824. Londra: Frank Cass & Co. Ltd.
  • Htin Aung, Maung (1967). A History of Burma. New York and London: Cambridge University Press.
  • Hudson, Bob (March 2005), "A Pyu Homeland in the Samon Valley: a new theory of the origins of Myanmar's early urban system", Myanmar Historical Commission Golden Jubilee International Conference.
  • Lieberman, Victor B. (2003). Strange Parallels: Southeast Asia in Global Context, c. 800–1830, volum 1, Integration on the Mainland. Cambridge University Press. ISBN 978-0-521-80496-7.
  • Moore, Elizabeth H. (2007). Early Landscapes of Myanmar. Bangkok: River Books. ISBN 978-974-9863-31-2.
  • Myint-U, Thant (2006). The River of Lost Footsteps--Histories of Burma. Farrar, Straus and Giroux. ISBN 978-0-374-16342-6.
  • Stargardt, Janice (1990). The Ancient Pyu of Burma: Early Pyu cities in a man-made landscape (illustrated ed.). PACSEA. ISBN 9781873178003.
  • Thein, Cherry (l-14 ta' Novembru 2011). "Pyu burial site discovered at Sri Ksetra". The Myanmar Times.
  1. ^ Hall 1960: 8–10.
  2. ^ Myint-U 2006: 51–52.
  3. ^ Aung-Thwin 2005, pp. 167–178, 197–200.
  4. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Pyu Ancient Cities". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-08.
  5. ^ Cooler 2002: Kapitlu I: Prehistoric and Animist Periods.
  6. ^ Myint-U 2006: 45.
  7. ^ Hudson 2005: 1.
  8. ^ Moore 2007: 236.
  9. ^ Aung-Thwin 2005: 16.
  10. ^ Aung-Thwin 2005: 327.
  11. ^ Stargardt, Janice (2016). "From the iron age to early cities at Sri Ksetra and Beikthano, Myanmar". Southeast Asian Studies. 47 (3): 341–365.
  12. ^ Aung-Thwin 2005: 18–19.
  13. ^ Aung-Thwin 2005: 25–26.
  14. ^ Harvey 1925: 13–15.
  15. ^ Coedès, George (1968). Walter F. Vella (ed.). The Indianized States of Southeast Asia. trans.Susan Brown Cowing. University of Hawaii Press. ISBN 978-0-8248-0368-1. p. 95.
  16. ^ Coedès, George (1968). Walter F. Vella (ed.). The Indianized States of Southeast Asia. trans.Susan Brown Cowing. University of Hawaii Press. ISBN 978-0-8248-0368-1. p. 105.
  17. ^ a b Cooler 2002: Kapitlu II: The Pre-Pagan Period: The Urban Age of the Mon and the Pyu.
  18. ^ Aung-Thwin 2005: 36–37.
  19. ^ Aung-Thwin 2005: 38.
  20. ^ Hall 1960: 7.
  21. ^ Aung-Thwin 1996: 77.
  22. ^ "Study of Pyu Ancient City Maingmaw (Pinle)" (PDF).
  23. ^ Aung-Thwin 2005: 328.
  24. ^ Aung-Thwin 2005: 21–23.
  25. ^ Htin Aung 1967: 8.
  26. ^ a b Thein, Myanmar Times.
  27. ^ Giberti, Jamie (2019-04-28). "Sri Ksetra Project". www.arch.cam.ac.uk (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-08.
  28. ^ Aung-Thwin 2005: 24–26.
  29. ^ Htin Aung 1967: 10–11.
  30. ^ Htin Aung 1967: 20–21.
  31. ^ Coedès, George (1968). Walter F. Vella (ed.). The Indianized States of Southeast Asia. trans.Susan Brown Cowing. University of Hawaii Press. ISBN 978-0-8248-0368-1. p. 106.
  32. ^ Moore, Elizabeth (2011). "The Early Buddhist Archaeology of Myanmar: Tagaung, Thagara and the Mon-Pyu dichotomy". In McCornick, Patrick; Jenny, Mathias; Baker, Chris (eds.). The Mon over Two Millennia: Monuments, Manuscripts, Movements. Institute of Asian Studies, Chulalongkorn University. pp. 7–23.
  33. ^ Htin Aung 1967: 7, 16.
  34. ^ Mike (2016-02-22). "Ancient Irrawaddy Delta City Believed to be 2,300 Years Old". The Irrawaddy (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-08.
  35. ^ "Fossil footprints of early humans found in Ingapu ancient city". burmeseclassic.org. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-11-20. Miġbur 2023-02-08.
  36. ^ "Stone Age objects found in ancient site in Ingapu Township". burmeseclassic.org. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-11-20. Miġbur 2023-02-08.
  37. ^ Lwin, Tint. "Art and Architecture in Pakhan Gyi During the Monarchical Days" (PDF).
  38. ^ a b Harvey 1925: 24–25.
  39. ^ Aung-Thwin 2005: 26–27.
  40. ^ Htin Aung 1967: 7.
  41. ^ Aung-Thwin 2005: 29–30.
  42. ^ Aung-Thwin 2005: 18.
  43. ^ Htin Aung 1967: 13.
  44. ^ Aung-Thwin 2005: 31–34.
  45. ^ Htin Aung 1967: 15–17.
  46. ^ Harvey 1925: 55–56.
  47. ^ Lieberman 2003: 116–117.
  48. ^ Stargardt 1990: 200.
  49. ^ Htin Aung 1967: 12.
  50. ^ Aung-Thwin 2005: 35–36.
  51. ^ Harvey 1925: 4.
  52. ^ Htin Aung 1967: 18–19.
  53. ^ a b ċ Aung-Thwin 2005: pp. 30–31.
  54. ^ Harvey 1925: 3.
  55. ^ Hall 1960: 11.
  56. ^ Htin Aung 1967: 15–16.
  57. ^ Hudson, B.; Nyein, L.; Maung, W. (2001). "The origins of Pagan: new dates and old inhabitants". Asian Perspectives. 40 (1): 48–74.
pFad - Phonifier reborn

Pfad - The Proxy pFad of © 2024 Garber Painting. All rights reserved.

Note: This service is not intended for secure transactions such as banking, social media, email, or purchasing. Use at your own risk. We assume no liability whatsoever for broken pages.


Alternative Proxies:

Alternative Proxy

pFad Proxy

pFad v3 Proxy

pFad v4 Proxy